Josette ħolqot grupp ta’ voluntiera u bdiet battalja oħra din id-darba kontra l-faqar u t-tbatija ta’ ħaddieħor. Bl-uniku sodisfazzjon ikun l-ħarsa ferrieħa tat-tfal li hi tkun għenet jew temgħet. Bdiet ġlieda kontra l-faqar, l-aktar dak tal-injoranza fejn anke ssib min jabbuża mill-qalb karitattiva tagħha. Kellha ħolma li tiftaħ ċentru għall-kura tat-tfal iżda ma ngħatatx permess. Kien hemm żmien li kienet saret negattiva fejn anke spiċċat bla xogħol sal-ġurnata tal-lum. Iżda l-problemi f’ħajjitha xorta ma jaqtgħulhiex qalbha li tkompli tgħin lil ħaddieħor b’mod volontarju u fl-istess ħin tieħu ħsieb mill-aħjar li tista’ lill-anġlu tagħha u lir-raġel li ħabbha minn meta kellha 13-il sena mingħajr kundizzjoni. Jekk hawn gladjatur li ma jaqta’ qalbu minn xejn u jiġġieled kontra kull negattività li toffri l-ħajja, din mhi ħadd għajr Josette Busuttil.
Mort niltaqa’ ma’ Josette fir-ramla s-sabiħa ta’ Birżebbuġa u flimkien ma’ bintha Mariah ta’ 11-il sena ntfajna fuq bank fil-bandli fuq din ir-ramla u bdejna nitkellmu dwar it-twelid u d-diffikultajiet li għelbet Mariah u l-problemi li tħabbat wiċċha magħhom ta’ kuljum Josette fil-ġlieda tagħha biex tgħin lil min hu fil-bżonn.
Josette fil-fatt hi minn Raħal Ġdid u twieldet fis-6 ta’ Ġunju 1968. Ta’ 13-il sena ltaqgħet mal-uniku maħbub tagħha li kellu 16-il sena, Saviour miż-Żejtun u żżewġu meta kellha 21 sena. Anke l-ġurnata tat-tieġ tagħha bdiet bil-problemi meta kellha tibdilha għax kienet mietet oħtha ta’ 37 sena u estendiet id-data tat-tieġ minn Frar għal Mejju.
Iżda sitt xhur qabel iż-żwieġ inqala’ ntopp kbir meta sabulha ċesta ta’ 18-il ċentimetru fl-għanqud tal-bajd u kellha tagħmel operazzjoni kbira fejn neħħewlha l-ovarji tal-lemin. Iżda dan ma kienx kollox, ftit taż-żmien wara sabulha ċesta oħra ta’ 15-il ċentimetru fl-għanqud tan-naħa tax-xellug u neħħewla parti oħra filwaqt li qalulha li ma jistax ikollha tfal. Il-ħolma tagħha kienet bħal kull mara oħra, li ssir omm, “ma kienx żmien faċli, għarusa, fuq it-tarġa taż-żwieġ u jien kaxxa magħluqa. Ridt inħassar l-għerusija għax lil żewġi ma stajtx nagħmlu missier. Iżda Saviour qalli li hu lili jħobb u mhux it-tfal u żżewwiġna fl-24 ta’ Mejju 1991.
“Ma qtajtx qalbi u għamilt tmien operazzjonijiet forsi ninqabad tqila iżda għalxejn. Il-professur wara li spulpjani mill-flus qalli li kont infertili. Għalhekk bdejna t-triq għal adozzjoni fejn kont se nadotta mill-Pakistan. Talbuni Lm5,000 u wara qaluli li se jagħtuni skont u niżżluli l-prezz għal Lm3,000. Biex tgħaxxaqha faqqgħet il-gwerra fil-Pakistan u kull tama li kelli ntemmet.
“Kont bdejt naħdem Ħaż-Żabbar u qabel kont nidħol ix-xogħol kont immur quddiem il-Madonna tal-Grazzja u nitlobha biex xi darba jkolli tarbija f’idi bħalma kellha hi. Dan kollu biex jirnexxili nsib nadotta. Fl-istess żmien bdejt inħossni ma niflaħx ħafna u bdejt neħxien. Bdejt inwaħħal fil-pastizzi li kont niekol. Mort għamilt xi testijiet u qaluli li fl-utru kienu raw bħal dell u kienu ddeċidew li jneħħuli kollox. Però għal xi raġuni ma dħaltx nagħmilha u kien hemm ħabiba tiegħi u qaltli biex immur naħraq il-pipi u mort għand l-ispiżjara. Tajtha l-pipi u ħriġt inpejjep. L-ispiżjara għajtitli u qaltli, “pregnant” u jien mort ngħannaqha u nifirħilha għax kienet tqila u l-ispiżjara dlonk qaltli, “mhux jien pregnant imma int” u stabatt mal-art.”
Josette saret taf li kellha tliet xhur tqala. Dik ix-shadow fl-utru ma kienet xejn ħlief Mariah u mhux bħalma kienu ħasbu. “Il-ħolma tiegħi saret realtà wara 12-il sena ta’ taħbit u qtigħ il-qalb. Sirt omm lejlet il-Milied tal-2002 u Mariah kienet iddikjarata miraklu ħaj.”
Sadattant Mariah qagħdet ħdejna tisma’ kollox u titbissem. Staqsejtha jekk semmitiex Mariah għal Madonna u hi qaltli li semmietha Mariah għall-oħt ir-raġel li tant kienet tħobbha u li mietet ta’ età żgħira.
Sa hawn kollox kien ward u żahar sa ma Josette reġgħet sabet quddiemha battalja qalila. Ta’ 8 snin Mariah bdiet tiġi bullied l-iskola. Iċ-ċkejkna tant sabiħa bdiet tħossha kerha u lil ommha kienet tgħidilha li xtaqet tkun bħad-Duluri bi stalett f’qalbha. “Ma riditx tmurli skola iżjed, bdejt neħodha għand psikologi u anke psikjatri fejn tawha kalmanti. Mariah ġennitni riedet taqbeż mill-gallarija biex tmut. Lid-Duluri bl-istallett f’qalbha kienet tħares lejha bħala persuna fortunata.”
F’dan il-ħin Mariah iddeċidiet li tgħid tagħha u qaltli li ommha kienet tgħidilha biex tisma’ minn lirika ta’ diska, “I am not a beauty queen… I’m just beautiful.” Kien mument li Mariah laqtitli qalbi u stajt nara fejn iwassal il-bullying meta tifla sabiħa jirnexxilhom jġagħluha tħossha kerha.
Wara diversi laqgħat ma’ psikologi, psikjatri u anke saċerdoti rnexxielha toħroġ mid-dipressjoni u tirritorna l-iskola u fi ftit xhur ġiet minn ta’ quddiem fil-klassi. Mariah anke jekk ta’ 11-il sena hi tifla intelliġenti ħafna b’ħolma sabiħa.
Josette b’ħarsa mill-isbaħ lejn bintha qaltli, “kien hawn li ddeċidejt li nagħti lura lis-soċjetà dak li tatni hi. Ftaħt paġna fuq Facebook li semmejtha Helping Hand for Free u wara bdiltha għal Josette Helping Hand. F’din il-paġna bdejt nistieden li min għandu bżonn għajnuna jkellimni. Bdew ġejjin każi fejn kien hemm min ma kellux x’jiekol filgħaxija u bdejt ngħaqqad tim miegħi biex nibdew ngħinu b’kull mod lil min kien fil-bżonn. Illum fit-tim qegħdin nofs tużżana.
“Kien hemm żmien meta kont għajjejt u kien hemm min ipprova jfarrakni b’ilsienu jew kasbruni, iżda sibt ukoll nies li għenuni għax jafu li l-grupp tiegħi jsalva u jgħin lil ħafna nies u tfal. Hemm anke min jabbuża mill-ġentilezza tagħna u jipprova jakkwista xi ikla b’xejn jew xirja b’xejn imbagħad taraha tixrob il-birra f’xi bar. Għalhekk illum min jitlobna l-għajnuna nitlobhom li jġibulna social worker ħalli nkunu nafu li jkunu fil-bżonn.”
Josette qaltli li qabel dan kollu ma tantx kienet temmen li hawn faqar, iżda llum qed tiltaqa’ ma’ każi li jkexkxuk. “Hemm min fi friġġ jkun baqagħlu nofs kartuna ħalib u xejn iżjed. Hawn min għandu r-raġel jirreġistra, imbagħad ipejjep u jixrob il-birra u lil mara u wliedu jħallihom bil-ġuħ. Nhar ta’ Ġimgħa fil-garaxx tiegħi jkolli madwar 10 familji li nitmagħhom.
“Hemm min hu għażżien ukoll, inkella naqra flus jagħmilha xi tpinġija jew dwiefer u jħalli lill-uliedu kważi bil-ġuħ. Ikolli aptit ma ngħinhomx iżda meta nara tarbija bil-ġuħ, tarbija li ma jkollhiex l-ebda tort ma jistax ikun li ma nitmagħhiex. Nipprova ngħallimhom u fejn is-soltu nagħtihom ħuta msajra, illum sirt nagħtihielhom nejja ħalli jsajruha huma u t-tielet darba neħodhom miegħi jistadu għal ħuta.”
Din il-mara b’qalb tad-deheb qaltli li l-akbar faqar li hawn Malta qiegħed fil-moħħ, “irridu nedukaw lil dawn il-povri li n-naqra flus li għandhom jaqsmuha b’mod tajjeb u mhux juru wiċċ sabiħ u jħallu lill-uliedhom bil-ġuħ.”
Hawnhekk għajnejn Josette xegħlu meta bdiet tirrakkuntali s-sodisfazzjon li tħoss meta ħadet 70 ġenitur m’uliedhom l-Mediterraneo, Baħar iċ-Ċagħaq, tfal li qatt ma kienu marru mkien u rajthom jifirħu u jaqbżu, darba oħra xtrajna buggy speċjali lil tfajjel li kien irid jintrefa’ biex jittieħed minn post għall-ieħor. Dan ħa ritratt fil-buggy, bagħtuli u kitibli Thank you. Dan hu s-sodisfazzjon f’ħajti.”
Chapeaux Josette! Kellu bżonn ikun hawn ħafna u ħafna aktar bħalek, iħobbu mingħajr ma jistennew xejn lura.