Persuni trans mhumiex ċittadini tat-tieni klassi. Dan sostnietu l-Ministru Helena Dalli waqt li kienet qed tindirizza l-ħames Kunsill Ewropew dwar it-transgender li qed isir fl-Ungerija.
Dalli tkellmet dwar l-avvanz li qed tagħmel Malta fir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-minoranzi fosthom ta’ persuni LGBTI u saħqet li persuni trans m’għandhomx jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni klassi.
Semmiet ukoll il-pass li għamel pajjiżna x-xahar li għadda meta l-Parlament approva l-liġi dwar l-Unjoni Ċivili li tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi għal koppji tal-istess sess fuq l-istess livell bħaż-żwieġ ċivili.
Il-Ministru spjegat kif fl-istess ħin, il-Parlament approva wkoll li tkun emendata l-Kostituzzjoni biex toffri protezzjoni kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru.
Dalli qalet li l-pass li jmiss se jkun il-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru filwaqt li enfasizzat li persuni trans m’għandhomx jitqiesu bħala ċittadini tat-tieni klassi u m’għandux ikun hemm preġudizzji minħabba fatturi li jagħmluna diversi minn xulxin. Żiedet li l-Gvern Malti huwa kommess li jassigura li persuni trans jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha tagħhom mingħajr ebda biża’, vjolenza jew fastidju.
Il-Ministru Dalli temmet tgħid li bir-riformi leġiżlattivi li se tkun qed tagħmel, Malta tista’ sservi ta’ mudell pożittiv għal persuni trans fil-bqija tal-Ewopa.