Kmieni din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil tkellem dwar abbużi li qed isiru fit-tqassim ta’ mediċini lill-pazjenti li jużaw is-sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). ILLUM talab ir-reazzjoni tal-Kamra tal-Ispiżjara li fi tweġiba b’imejl ikkonfermaw li rċevew ilmenti mill-membri tagħhom dwar pressjoni li qed issir fuqhom. Żiedu wkoll li huma għaddew dawn ir-rapporti lill-Awtoritajiet tas-Saħħa konċernati.
L-abbuż kien qed isir meta pazjenti kienu jmorru biex jiġbru l-mediċini li min għalihom kienu riservati għalihom. F’ċerti każi dawn il-pazjenti kienu qed isibu li l-ispiżjar ikun diġà qassam il-mediċini tagħhom lil pazjenti oħra liema pazjenti kien ikollhom xi tip ta’ kuntatt fil-Ministeru jew fil-POYC.
ILLUM hu infurmat li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa wiegħed li se jwaqqaf din il-prattika b’mod immedjat.
Hu mifhum ukoll li l-Kamra tal-Ispiżjara ħarġet direttiva biex l-ispiżjara jirrappurtaw kull każ ieħor fejn ikun hemm xi pazjenti li jingħataw preferenza fit-tqassim tal-mediċini taħt is-sistema tal-POYC. Il-Kamra tal-ispiżjara insistiet ukoll li l-ispiżjara għandhom ikomplu jqassmu l-mediċini b’mod ordnat.