Ftehim ma’ sptarijiet privati għal testijiet tal-MRI

“Permezz ta’ dan nistgħu naqtgħu d-dewmien żejjed u l-appuntamenti li kienu qed isiru għall-2016” - Chris Fearne
“Permezz ta’ dan nistgħu naqtgħu d-dewmien żejjed u l-appuntamenti li kienu qed isiru għall-2016” - Chris Fearne

Pazjenti li ilhom jistennew biex isirulhom testijiet tal-MRI, issa se jibdew jagħmluhom fl-isptarijiet privati St James u Da Vinci mingħajr ħlas. Dan tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne waqt l-iffirmar ta’ ftehim maż-żewġ sptarijiet privati. Permezz tal-ftehim milħuq, pazjenti li ilhom jistennew għat-test għal iktar minn sena issa se jkunu jistgħu jagħmlu appuntament għall-MRI f’wieħed miż-żewġ sptarijiet privati.

Fil-kummeti tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi qal li spiċċa ż-żmien tar-rapporti u li issa wasal iż-żmien li jibdew jittieħdu miżuri biex l-istennija tal-pazjenti tonqos għal livell aċċettabbli. Qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jara kif jistgħu jintlaħqu ftehimiet simili fuq servizzi oħra inkluż l-istennija fl-emerġenza u l-mediċini out-of-stock. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li preżentament hemm 3,805 pazjent jistennew għat-test tal-MRI. Żied ukoll li bħalissa f’Mater Dei, pazjenti qed jingħataw appuntamenti għall-2016 u li dan id-dewmien mhux aċċettabbli. Fearne żied jgħid li l-Gvern se jara li permezz ta’ dan il-ftehim mal-isptarijiet privati jonqos iż-żmien li pazjenti jkollhom jistennew għat-testijiet tal-MRI. Hu faħħar ukoll l-inizjattiva li kienet saret mill-eks Ministru Godfrey Farrugia biex minn 33 test tal-MRI kuljum dawn telgħu għal 55.

Intant il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li jkompli fuq il-passi li kien ħa gvern Nazzjonalista fil-leġislatura preċedenti biex jissieħeb mal-privat fl-għoti ta’ servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. L-istqarrija tgħid ukoll li għalkemm dan huwa biss l-ewwel pass sabiex jerġa’ jinbena dak li żżarma mill-gvern Laburista stess fl-ewwel sena tat-tmexxija tiegħu, il-partit Nazzjonalista se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal din il-miżura biex b’hekk Malta verament tkun aħjar.

More in Socjali