Mhux il-Knisja tal-Isqof Gonzi imma lanqas ta’ Cremona
minn Frank Psaila
Ir-rispett għall-awtonomija bejn Knisja u Stat hi essenzjali u ssir ħsara kbira lis-soċjetà jekk din l-awtonomija ma tinżammx. Iżda awtonomija bejn Knisja u Stat ma tfissirx li l-Knisja taqa’ fil-muta jew tagħmel dikjrazzjonijiet xotti dwar kwistjonijiet li jkollhom impatt kbir fuq is-soċjetà. Knisja protagonista u proattiva mhix Knisja li għax toħroġ pastorali taħseb li qed tkun parteċipattiva.
Bħala żagħżugħ f’Malta Ewropea, jien ma rridx il-Knisja tal-Arċiqsof Gonzi meta Laburisti, inkluż membri tal-familja tiegħi, ma ngħatawx l-assoluzzjoni għax kienu jaqraw Il-Ħelsien. Tkun ta’ ħsara kbira għas-soċjetà tagħna jekk il-Knisja tagħmel kruċjati fuq kwistjonijiet li jmorru kontra t-tagħlim tal-vanġelu. Il-kruċjati huma ħżiena, jagħmilhom min jagħmilhom.
Bħala żagħżugħ f’Malta Ewropea jien irrid Knisja protagonista fid-diskussjonijiet li jkun hawn fil-pajjiż dwar kwistjonijiet ta’ natura soċjali importanti. Jien irrid li l-Knisja, u s-soċjetà ċivili, u l-partiti politiċi jkunu parteċipi f’diskussjonijiet dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli daqs kemm ghandhom ikunu parteċipi f’diskussjonijiet bħall-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess.
Sar l-argument li l-Knisja tgħallmet mill-iżbalji tal-passat, u ma tridx terġa’ tirrepetihom. M’għandix dubju li l-Knisja tgħallmet mill-iżbalji tagħha stess, iżda dan ma jfissirx li l-Knisja tkun assenti meta s-soċjetà tkun qed tiddiskuti suġġetti ta’ natura importanti ħafna, bħal ma kienu l-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal.
Jien, personalment, kont nippreferi li kieku l-partit Nazzjonalista vvota favur din il-liġi fil-Parlament – għax, fil-prinċipju, din kienet liġi dwar l-unjoni ċivili. Iżda nifhem, u nirrispetta d-deċiżjoni tal-PN li jastjeni – għax ried li l-adozzjoni tkun separata minn din il-liġi. Hawn stennejt li l-Knisja tagħmel l-argumenti tagħha bi prudenza – mhux bi kruċjati u għajjat minn fuq il-pulpti; mhux bil-messaġġ, żbaljat, li ċerti qassissin għaddew matul il-kampanja tad-divorzju. Stennejt li l-Knisja mhux ittra pastorali biss toħroġ dwar l-unjoni ċivili, u xi dikjarazzjoni ’l hemm u ’l hawn tal-Isqfijiet, iżda li esponenti tagħha – mhux l-inqas l-Isqfijiet, jieħdu sehem f’diskussjonijiet u jagħtu l-fehma tagħhom dwar dan.
Waqt Reporter, fuq il-PBS, l-Isqof Charles Scicluna qal li s-soċjetà nbidlet u l-Knisja tirrispetta dan. Nieħu gost nisma’ lill-Arcqisqof Scicluna, bniedem għaref u li għandu ħafna x’joffri lill-Knisja f’pajjiżna, jitkellem b’dan il-mod. Iżda jien konvint li s-soċjetà tagħna tista’ tkompli tissaħħah jekk il-Knisja f’Malta tkun aktar b’saħħitha – mhux biex billi timponi, imma billi tkun protagonist validu fil-bidliet li qed iseħħu fis-soċjetà tagħna.
Dalwaqt se nkunu qegħdin niddiskutu d-dekriminilizazzjoni tad-droga għal min jinqabad b’pussess ta’ droga għall-użu personali. Kulħadd jaf il-ġid kbir li qed tagħmel il-Knisja, permezz tal-Caritas, f’dan ir-rigward. Għalhekk issa nistenna li f’din id-diskussjoni l-Knisja f’Malta tkun protagonista billi taqsam l-għerf u l-esperjenza tagħha f’dan il-qasam.
Naf kemm il-Knisja f’Malta qed tagħmel xogħol siewi ma’ persuni immigranti. Iżda nistenna li l-Knisja tkun protagonista u parteċipi aktar biex is-soċjetà tagħna tifhem aħjar li l-immigrazzjoni kapaċi ndawruha f’opportunità kemm għall-persuni involuti iżda wkoll għal pajjiżna.
Naf li l-Knisja għandha għal qalba l-ambjent, iżda nistenna li quddiem deċiżjonijiet li ttieħdu, u qegħdin jittieħdu dwar żvilupp - li mhux dejjem jista’ jitqies bħala sostenibbli, il-Knisja ssemma’ leħinha, permezz tal-esponenti esperti tagħha f’dan il-qasam.
Sinċerament inħoss li l-Knisja f’Malta daħlet f’qoxritha, speċjalment wara l-esperjenza tad-divorzju. Jidhirli li sezzjonijiet tal-mezzi tax-xandir f’pajjiżna kienu, anke wara l-esperjenza tad-divorzju, kritiċi b’mod goff u inġust fil-konfront tal-Knisja u dan, x’aktarx, wassal biex il-Knisja toqgħod lura milli tippronunzja ruħha fuq ċerti kwistjonijiet.
Jista’ jkun li l-Knisja f’Malta ma tridx tgerrex lin-nies – li dejjem qed jonqsu, mill-knejjes. Iżda dan iseħħ biss jekk il-Knisja ma timxix b’għaqal u prudenza – u għaqal u prudenza ma jfissrux li tkun assenti.
Sfortunatament inħoss li l-Arċiveskovat tal-Arċisqof Cremona beda b’tama kbira ta’ bidu ġdid, u sabiħ, għall-Knisja f’pajjiżna iżda llum hemm mistoqsijiet dwar it-tmexxija tal-istess Arċisqof.
Bħala żagħżugħ f’Malta Ewropea jien jidhirli li jkun fl-interess tas-soċjetà tagħna li l-Knisja tkun protagonista, flimkien mas-soċjetà ċivili, f’diskussjonijiet dwar dak li qed iseħħ illum u dak li rridu li jseħħ għada, fis-soċjetà tagħna.
Jien nemmen li l-Knisja għandha l-għerf u l-kapaċità li tagħti kontribut mill-aktar validu. Diġà hemm qassisin li qed jagħmlu dan b’mod tajjeb ħafna – iżda l-eżempju jrid jiġi minn fuq nett.
Bħala żagħżugħ f’Malta Ewropea ma rridx il-Knisja ta’ żmien l-Arċisqof Gonzi, imma daqstant ieħor ma nħossnix komdu bil-Knisja tal-Arċisqof Cremona – li f’soċjetà li qed tinbidel b’pass mgħaġġel qed tonqos milli tkun protagonista.
Frank Psaila huwa avukat u preżentatur tal-programm Iswed fuq l-Abjad.