60% ta’ SmartCity diġà meħud

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ SmartCity Malta Anthony P. Tabone  60% tal-proġett mibni s’issa fi SmartCity huwa meħud minn numru ta’ kumpaniji li bħalissa jinsabu fi stadju ta’ preparamenti sabiex jidħlu u jibdew l-operat tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Dan qalu waqt intervista esklussiva ma’ ILLUM.

Il-proġett SmartCity Malta kien varat b’ħafna pompa fis-sena 2007 bħala l-akbar investiment li qatt sar f’Malta. Investiment li kien jikkumplimenta l-potenzjal ta’ Malta li tkun żviluppata f’ċentru reġjonali ta’ eċċellenza, primarjament fis-settur tat-teknoloġija tal-informatika, bil-ħsieb ukoll li numru ta’ kumpaniji lokali u internazzjonali jibdew joperaw minn dan il-post. 

Illum hemm żewġ blokok li huma lesti kif ukoll laguna sabiħa li nfetħet għal pubbliku fil-ġimgħat li għaddew. Il-Kap Eżekuttiv ikkonferma li matul l-aħħar xhur kien hemm interess qawwi fil-proġett u numru ta’ kumpaniji bħalissa qed ilestu l-istrutturi minn ġewwa skont ħtiġijiethom. Dan se jwassal għal ammont ta’ mpjiegi għall-ħaddiema li dalwaqt se jkunu qed jaħdmu propju ġo SmartCity Malta. Tabone żied li sa l-aħħar tas-sena, SmartCity Malta se jkun post mimli attività u fost il-kumpaniji li hemm konfermati nsibu lil Cisco, Hewlett Packard, Global College, Heritage International Funds, TMF Ltd, FTIAS, STK Telecom, AMMO City u oħrajn li se jitħabbru fiż-żmien qarib hekk kif ikunu ffirmati l-kuntratti.

Mistoqsi jekk b’dawn il-kumpaniji msemmija l-proġett hux se jibqa’ ffukat speċifikament fuq it-teknoloġija tal-informatika, Tabone kkonferma li l-kunċett fundamentali ta SmartCity jibqa’ s-servizz infrastrutturali pprovdut lill-klijenti li jkunu qed joperaw minn SmartCity. Sostna li s-servizz tat-teknoloġija tal-informatika pprovdut diġà ġo SmartCity Malta huwa servizz mgħammar b’network li investew ħafna flus fih. 

More in Socjali