Żieda fil-vjolenza domestika fuq l-anzjani
Il-każi rrappurtati fl-2013 kienu d-doppju tal-2010
More in Socjali
Il-każi rrappurtati fl-2013 kienu d-doppju tal-2010
Fl-aħħar ħames snin kien hemm żieda kontinwa f’każi rappurtati ta’ vjolenza domestika fuq anzjani.
ILLUM tista' tiżvela li l-każi rrappurtati fl-2013 kienu d-doppju tal-2010.
Statistika uffiċjali tal-pulizija turi li filwaqt fl-2009 u fl-2010 kien hemm kważi 40 każ ta’ vjolenza domestika fuq persuni ta’ aktar minn 60 sena, dan żdied għal 57 każ fl-2011 u 77 każ fl-2012. Is-sena li għaddiet il-Pulizija rċeviet 86 rapport ta’ dan it-tip.
2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 | Total | |
Abbuż Fiżiku | 74 | 72 | 56 | 62 | 81 | 345 |
Vjolenza Domestika | 39 | 39 | 57 | 77 | 86 | 298 |
Serq | 61 | 73 | 66 | 127 | 58 | 385 |
Total | 174 | 184 | 179 | 266 | 225 | 1028 |
Għaldaqstant, fl-aħħar ħames snin kien hemm total ta’ madwar 300 każ ta’ vjolenza domestika fuq anzjani.
Madankollu, hu maħsub li fir-realtà dawn in-numri jkomplu jiżdiedu, hekk kif każijiet li jiġu rrappurtati lis-servizzi soċjali ma tinżammx statistika tagħhom.
Ħarsa lejn il-każi rappurtati fl-2013 juri wkoll li każi ta’ abbuż fiżiku matul is-sena li għaddiet rreġistraw l-akbar numru fl-aħħar ħames snin, b’aktar minn 80 każ is-sena l-oħra.
Fuq nota aktar pożittiva, każi ta’ serq fuq anzjani fl-2013 niżel b’aktar minn nofs meta mqabbel mas-sena preċedenti. Infatti, fl-2012 kien hemm rekord ta’ 127 rapport ta’ serq filwaqt li fl-2013 kien hemm inqas minn sittin.
Id-direttur ta’ Victim Support Malta Roberta Lepre, spjegat ma’ din il-gazzetta kif abbuż fuq l-anzjani jista' jieħu xejriet differenti.
“L-aktar tip ta’ abbuż ovvju huwa dak fiżiku, li jinkludi fih is-swat, l-imbuttar u gdim fost oħrajn. Abbuż ieħor komuni hu dak emozzjonali, verbali jew psikoloġiku, li jinkludi fih l-għajjat, it-tgħajjir u t-theddid,” qalet Lepre.
L-abbandun ukoll jistà jitqies bħala abbuż, fejn persuna anzjana ma tkunx qed tiġi kkurata kif meħtieġ, eżempju ma tkunx qed tiekol b’mod sustanzjuż, ma tiħux il-mediċina li teħtieġ jew ma tkunx qed tinħasel.
Lepre tefgħat dawl ukoll fuq abbuż finanzjarju li persuni anzjani jistgħu jkunu pjuttost suxxettibli għalih. Dan jistà jseħħ meta anzjani jiġu mġegħla jiffirmaw xi dokument jew qerq ieħor biex jitteħdilhom xi flus jew proprjetà.
“Sfortunatament, dawn l-abbużi huma realtà pjuttost komuni fis-soċjetà, imma fl-istess ħin nemmnu li m’hawnx biżżejjed għarfien dwar dak li jikkostitwixxi abbuż u s-servizzi li hawn sabiex l-anzjani jiġu megħjuna.”
Hi sostniet kif l-abbużi isiru kemm fid-djar residenzjali kif ukoll f’djar tal-komunità, iżda l-passi dixxiplinarji li jittieħdu f’dawn tal-aħħar mhux dejjem ikunu ta’ deterrent biżżejjed sabiex dan l-aġir ma’ jerġax iseħħ.
Hemm numru ta’ servizzi li jistgħu jgħinu lil anzjani vittmi ta’ abbuż. F’każ ta’ bżonn, wieħed jistà jċempel lil Victim Support Malta fuq 21228333 fejn tingħata aktar għajnuna skont il-bżonn tal-individwu.