Fit-3 ta’ Frar 1995, seħħet it-traġedja abbord it-tanker Libjan Um El Faroud f’Baċir Numru 3 fit-Tarzna.
Għada jimmarka d-dsatax-il sena minn meta seħħet splużjoni waqt xogħlijiet li kienu qed isiru fit-tankijiet tat-tanker Libjan Um El Faroud.
Kienet splużjoni li ħasdet il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema tat-Tarzna li dak il-ħin kienu abbord il-vapur. L-isplużjoni kienet seħħet fl-10.15pm u kienet ħasdet lill-pajjiż kollu bl-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż imorru immedjatament fil-post.
Il-vittmi li tilfu ħajjithom fit-traġedja kienu George Aquilina ta’ 24 minn Ħal Qormi, Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt Valletta, Marrio Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Simon Mifsud ta’ 26 sena mill-Birgu, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, Paul Seguna ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ, George Tabone ta’ 57 sena minn Ħal Qormi u Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli.
Wara li kienet intemmet l-inkjesta dwar l-isplużjoni, it-tanker tgħerreq bil-baħar 'l barra minn Wied iż-Żurrieq, sabiex jintuża bħala attrazzjoni għall-għaddasa. Kien fit-2 ta’ Settembru 1998, meta t-tanker Um El Faroud salpa għall-aħħar darba mill-Port il-Kbir, għad-destinazzjoni finali tiegħu f’Wied iż-Żurrieq. Wara li l-bastiment kien ankrat fil-post, dam madwar erba’ sigħat sabiex jimtela bl-ilma baħar. Din ix-xena rawha eluf ta’ persuni, li bla dubju ta’ xejn taw l-aħħar tislima lid-disa’ ħaddiema tat-Tarzna li tilfu ħajjithom fl-inċident traġiku tal-1995.
Wara maltempata qawwija fl-2006, dan il-vapur inqasam fi tnejn.
Din it-traġedja li ħalliet bosta familji fis-sofferenza, ġiet deskritta bħala waħda li “bikkmet poplu” u li “xxukkjat pajjiż”.
Ta’ kull sena ssir tifkira għal dawk il-ħaddiema li tilfu ħajjithom. Fil-fatt, mal-monument tal-ħaddiema li tilfu ħajjithom fit-Tarzna ta’ Malta, li jinsab fid-daħla tat-Tarzna, se ssir tifkira tat-traġedja ta’ 19-il sena ilu.
Xi dettalji dwar l-Um El Faroud
Dan it-tanker inbena fl-1969 fir-Renju Unit u kien jiżen 3,273 tunnellata, b’tul ta’ 110 metru.
It-traġedja abbord it-tanker seħħet f’Baċir Numru 3 fit-3 ta’ Frar 1995 u ħalliet disa’ vittmi.
Fit-2 ta’ Settembru 1998 it-tanker beda jintuża bħala attrazzjoni għall-għaddasa f’Wied Iż-Żurrieq.
|