Iċ-Ċentru Tbexbix jilqa’ madwar 50 tifel u tifla

Immexxi minn numru żgħir ta' voluntiera imma b'qalb kbira

 

Iċ-Ċentru Tbexbix jilqa’ numru ta’ tfal li jkunu ġejjin minn problemi soċjali kbar
Iċ-Ċentru Tbexbix jilqa’ numru ta’ tfal li jkunu ġejjin minn problemi soċjali kbar

Iċ-Ċentru Tbexbix, li jinsab f’Bormla, twaqqaf mill-għaqda mhux governattiva (NGO) Ananda Marga Malta. Din l-NGO hi mferrxa f’bosta pajjiżi bil-għan li toffri servizzi b’risq il-komunità. Il-membri tal-Ananda Marga jinkludu għalliema, psikoloġi u professjonisti oħrajn. Il-ħidma ta’ din l-NGO tiffoka fuq nisa u tfal.

Il-bini taċ-Ċentru f'Bormla
Il-bini taċ-Ċentru f'Bormla

Catherine Azzopardi, il-koordinatur taċ-Ċentru Tbexbix, qalet li b’kollox jattendu madwar ħamsin tifel u tifla fis-sajf. Fix-xitwa dan in-numru jonqos. Kompliet tgħid li l-maġġoranza tat-tfal huma minn Bormla. Iċ-Ċentru Tbexbix twaqqaf madwar tmien snin ilu, fl-2006. 

Dawn it-tfal jiltaqgħu kuljum matul il-ġimgħa minbarra fi tmiem il-ġimgħa. Avolja xi minn daqqiet anke fi tmiem il-ġimgħa jiltaqgħu wkoll. Filfatt, Azzopardi sosniet li f’dan il-weekend it-tfal ħadu sehem f’live-in f’Marsaxlokk. 

“Għal dan il-live-in attendew 35 tifel u tifla. Sejrin tajjeb ħafna flimkien.”

L-etajiet tat-tfal li jattendu ċ-Ċentru Tbexbix, ivarjaw minn ħamsa sa tlettax-il sena. Madankollu, hemm numru ta’ tfal li juru x-xewqa li jibqgħu jiffurmaw parti minn dan iċ-Ċentru anke wara l-età ta’ tlettax-il sena.

“Għandna tfal li wara din l-età jibqgħu jattendu u wħud minnhom isiru parti mit-tim ta’ mexxejja ta’ dan iċ-Ċentru.”

Azzopardi tenniet li kollox hu bbażat fuq il-voluntiera. “Hawnhekk kulħadd huwa voluntier. Niddependu fuq id-donazzjonijiet u l-għajnuna ta’ dawk li jiġu hawn kull ġimgħa. Għandna kumitat magħmul minn sitt persuni. Kulħadd għandu l-irwol tiegħu, min jagħmel xogħol ta’ teżorier, min ta’ segretarju u min xogħol manwali.”

Barra minn hekk, Azzopardi sostniet li hemm numru sabiħ ta’ għalliema, li speċjalment fix-xhur tas-sajf, jagħtu l-għajnuna tagħhom f’dan iċ–Ċentru. “Dawn l-għalliema b’dedikazzjoni kbira jqattgħu ħafna ħin ma' dawn it-tfal.”

Qalet li minkejja li f’termini ta’ numri m’hemmx fiex titfixkel, iżda l-qalb tal-voluntiera hi waħda kbira. “Mhuwiex numru kbir, iżda dak li nagħmlu, nagħmluh mill-qalb. Il-problema hi li fil-bidu ċerta voluntiera jkollhom ħafna entużjażmu, li iżda imbagħad jibda jmajna.”

Il-koordinatriċi enfasizzat li ċ-Ċentru Tbexbix jilqa’ lit-tfal kollha, ġejjin minn kull lokalità u minn esperjenzi differenti. “Aħna ma neskludu lil ħadd. L-iskop tagħna huwa li ngħinu fl-iżvilupp ħolistiku tat-tfal. Kulħadd għandu bżonn l-għajnuna.”

Azzopardi fissret kif il-voluntiera taċ–Ċentru Tbexbix ma jagħmlu l-ebda distinzjoni. Fil-fatt, fis-sajf attendew għaxart itfal minn ġenituri refuġjati. Din kienet esperjenza li saħħet il-grupp ħafna aktar.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-koordinatriċi qalet li saru jattendu bosta gruppi ta’ tfal minn skejjel varji fiċ-Ċentru Tbexbix.

“Għandna l-programm ta’ filgħodu u fih nagħmlu numru ta’ attivitajiet marbutin ma’ krafts, arti u anke yoga. Imbagħad wara nofsinhar nagħmlu programmi immirati għall-istudenti. Fil-fatt, ikollna studenti minn De La Salle College, is-sekondarja ta’ Birkirkara, Ħal Għaxaq, Pembroke, il-Ħamrun u oħrajn. Sa April l-ibbukkjar huwa mimli.”

Azzopardi spjegat kif iċ–Ċentru Tbexbix jilqa’ numru ta’ tfal li jkunu ġejjin minn problemi soċjali kbar. “L-għan ewlieni tagħna huwa li nsaħħu l-programmi ta’ edukazzjoni u social support programmes. Dan għaliex uħud mit-tfal tagħna ġejjin minn familji bi problemi soċjali kbar u ħafna minnhom ikollhom problemi ta’ finanzi. Issib tfal li ma jkollhomx biex jixtru żarbun jew saħansitra flokk.”

Attivita` li saret mat-tfal taċ-Ċentru
Attivita` li saret mat-tfal taċ-Ċentru

Id-dar taċ-Ċentru Tbexbix kellha bżonn rinnovazzjoni sħiħa. Dan il-proċess dam seba’ snin minħabba l-problema ta’ nuqqas ta’ fondi. Ħafna mix-xogħol fuq din id-dar sar mill-voluntiera stess. 

Azzopardi saħqet li l-membri tal-komunità ta’ Ananda Marga, huma veġetarjani, u ma jistgħux jikkunsmaw alkoħol jew tipjip. Din l-NGO tippromwovi l-meditazzjoni u yoga. L-NGO Ananda Marga ilha stabbilita f’pajjiżna għal madwar 40 sena.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat fuq [email protected] jew iċempel fuq 21805130 jew 27805130.

More in Socjali