Il-marda tal-kanċer f’poeżiji
More in Socjali
Inevitabbilment il-kanċer hu sinonimu mal-kruha tad-dinja iżda dan ma żammx lil Glen Calleja milli jikteb għadd ta’ poeżiji dwar din il-marda.
Hu stess jammetti li s-suġġett mhux wieħed popolari wisq fil-letteratura Maltija, u qajla ssib referenza għalih bil-Malti.
“Rari ssib min jikteb u jitkellem fuqu fil-lingwa Maltija u wisq inqas f’kuntest artistiku,” jgħid Calleja.
Mistoqsi għalhekk x’jirrispondi għal min isostni li l-ktieb kien barra minn loku, il-poeta jsostni li għalkemm is-suġġett mhux wieħed sabiħ, jippreżenta bosta opportunitajiet u mistoqsijiet li wieħed diffiċli jsib f’oqsma u esperjenzi oħra tal-ħajja.
“‘Barra minn loku’ huwa l-iktar territorju eċitanti għall-artisti. Huwa l-ambjent naturali fejn għandek tfittex poeta,” qal Calleja f’kummenti ma’ din il-gazzetta.
L-awtur jiddeskrivi l-ktieb tiegħu, ‘Kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum,’ bħala poeżija ta’ mħabba, b’esplorazzjoni ta’ xbihat sagri, banali, intimi, ta’ tabù u mistoqsijiet eżistenzjali.
F’dan il-ktieb, Glen Calleja jesplora xi tfisser tkun f’dik ir-rokna u x’wiċċ għandha t-theddida. Fil-fatt, il-poeżiji huma bbażati fuq l-esperjenzi ta’ diversi nies li għaddew jew għaddejjin mis-sofferenza li jġib miegħu l-kanċer.
Dawn ġew intervistati dwar id-dijanjosi, l-ewwel reazzjonijiet tagħhom għall-aħbar, dwar il-proċess ta’ trattament, dwar il-ġlieda u, f’xi każijiet, dwar il-proċess tat-telfa.
“Kollha huma nies li jafu l-kanċer mill-qrib ħafna għax għexuh u għadhom jiltaqgħu mal-kanċer wiċċ imb wiċċ ta’ kuljum.”
L-awtur qal li jaf x’jiġifieri l-kanċer għax tilef żewġ zijiet b’din il-marda. Imma jgħid li ma kinux l-esperjenzi personali li xprunawh biex jesplora dat-territorju.
“Bħalma l-pazjenti, is-sopravissuti u l-vittmi huma akbar mid-dijanjosi u l-marda tagħhom, dan il-proġett jaspira għal diskors li jmur lil hinn mill-kanċer.
“Kien hemm l-ossessjoni fl-immaġinazzjoni pubblika biex kuljum naraw xi ħaġa traġika dwar il-kanċer u magħha nżidu doża ta’ ispirazzjoni u gwerra. Kien hemm l-ikoni u l-personalitajiet li kull sena noħolqu marbutin mal-‘gwerra dinjija’ kontra l-kanċer. Kien hemm dan kollu li kien qed jisseduċini,” itemm jgħid Calleja.
Il-ktieb ‘kull flgħaxija kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum’ qed joħroġ bħala parti mill-proġett Fawwara. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin jew ċempel 99236238.