Tgħid igawdu biss iridu?!
“Moħħhom fix-xalar u fit-tbaħrit biss”, “igawdu biss iridu!” dawn huma l-kummenti li nisimgħu aħna ż-żgħażagħ fuqna. Din hi l-opinjoni ta’ ħafna kbar dwar il-ġenerazzjoni tal-lum. Huwa minnu li ż-żgħażagħ tal-lum iħobbu jgawdu iktar minn ġenerazzjonijiet passati. Illum il-ġurnata pajjiżna joffri diversi attrazzjonijiet u attivitajiet matul is-sena kollha li jiġbdu ż-żgħażagħ u ma jħallulhomx sabar jibqgħu bejn l-erba’ ħitan tad-dar.
Fil-preżent, b’influwenza mill-mezzi tax-xandir barranin iż-żgħażagħ illum jgħixu bil-mentalità ta’ ‘darba tgħix’ u jippruvaw jagħmlu dan bl-aħjar mod li jistgħu. Il-gazzetta ILLUM ħadet il-kummenti ta’ ftit żgħażagħ Maltin u staqsiethom kif se jgawdu s-sajf tagħhom. Igawdu biss iridu?
minn Jean Pierre Cassar

MARIEL AGIUS
Studenta tal-M.A. fl-Interpretar għall-Konferenzi, fl-Università ta’ Malta

Dan is-sajf stennejtu bil-ħerqa, kemm għax sena università tgħajjik u anke għax dan is-sajf ser ikolli esperjenza ġdida. Wara ġimgħa vaganzi Franza, se ntir minn Marsilja għal Barċellona u nqatta’ erba’ ġimgħat hemmhekk, noqgħod f’appartament ma’ tliet żgħażagħ Spanjoli oħra. Peress li studjajt u għadni nistudja l-Ispanjol, iddeċidejt li nqatta’ ftit żmien hemm għax nemmen li biex titgħallem lingwa sew trid tgħixha. Barra minn hekk, Barċellona hemm minn kollox: postijiet storiċi, mużewijiet tal-arti moderna, ikel tajjeb, bajjiet u ħajja. Hi belt dinamika ħafna u nissuspetta li erba’ ġimgħat mhux se jkunu biżżejjed!
CLAIRE ZERAFA
Studenta tal-PGCE fl-Università ta’ Malta

Issa li lestejt mill-istudju u mill-kors tal-PGCE fil-Malti, is-sajf ta’ din is-sena se jkun differenti mis-snin ta’ qabel. F’dan is-sajf, se nagħmel l-ewwel esperjenza tiegħi ta’ xogħol volontarju f’Napli, ma’ tfal li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn ħames snin sa erbatax-il sena. Flimkien ma’ għadd ta’ voluntiera oħra mill-għaqda ĊAMyouths, se nkunu qed ngħinu lis-sorijiet ta’ Mother Theresa biex norganizzaw Skola Sajf għal dawn it-tfal.
BEN BRIFFA
Student tal-B.Sc Nursing fl-Università ta’ Malta

Jien, flimkien ma’ grupp ta’ tmien żgħażagħ oħra u qassis se nkunu qed nagħmlu esperjenza missjunarja l-Gwatemala flimkien ma’ Fr. Anton Grech qassis Għawdxi li ilu l-Gwatemala sbatax-il sena. Hemmhekk ser inkunu qed ngħinu lil Fr. Anton fit-tagħlim tal-Ingliż u l-Katekiżmu kif ukoll fil-bini ta’ grawnd tal-futbol biex tfal foqra jinġabru hemmhekk flok jiġu użati mill-mafja għall-bejgħ ta’ droga jew prostituzzjoni. Ninkoraġixxi liż-żgħażagħ li xi darba f’ħajjithom jagħmlu din l-esperjenza. Fuq nota umoristika l-problema hi li la darba tmur tibqagħlek ix-xewqa li tmur kull sena… vizzju li jnixxiflek butek iżda jkabbrek f’kull aspett tal-ħajja.
TARYN MAMO CEFAI
Attriċi u studenta tal-B.A. fil-Komunikazzjoni, fl-Università ta’ Malta

Dan is-sajf nixtieq nieħu rotta differenti mis-sjuf ta’ qabel u niffoka iktar fuq l-avventuri li dejjem xtaqt nagħmel. F’Malta għandna ħafna opportunitajiet ta’ gost ’il bogħod mix-xena tad-divertiment iżda ħafna żgħażagħ ma japprezzawhomx. Għalhekk dan is-sajf iddeċidejt li ninkoraġġixxi lil sħabi biex flimkien ninkludu iktar avvenimenti li joffru sfida u interessanti, b’hekk inkunu qed nippromwovu l-importanza tal-ħajja attiva.
ANDREAS ANASTASI
Membru fl-Eżekuttiv tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM)

Wara xhur sħaħ ta’ studju u lectures aħna l-istudenti b’ħerqa nkunu qed nistennew il-vaganzi tas-sajf. F’din is-sena, l-SDM, l-organizzazzjoni li jien membru fiha, għalqet 40 sena minn mindu ġiet imwaqqfa; 40 sena ta’ rappreżentanza studenteska kemm fl-Università, fil-Junior College, u riċentament anke fl-MCAST u l-postsekondarja Sir M.A Refalo ta’ Għawdex. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, se nkunu qegħdin intellgħu Gala Night u l-ħidma diġà għaddejja. F’dan is-sajf se nkun qiegħed naħdem u għalkemm m’għandix pjanijiet ta’ safar, se nagħmel mezz sabiex ingawdi kemm jista’ jkun lil pajjiżi u d-diversi avvenimenti li se jittellgħu matul ix-xhur li ġejjin.
KRISTEN CAMILLERI
Attriċi u taħdem fl-amministrazzjoni ta’ kumpanija

Dan is-sajf beħsiebni nqattgħu l-baħar. Nixtieq li din is-sena vera ngawdih il-baħar peress li sena ilu kont kemxejn magħfusa bix-xogħol tat-teżi. Bla dubju ħa nkun qed nqatta’ parti sostanzjali mis-sajf niffilmja t-tieni sensiela ta’ Katrina u verament ħerqana biex inkompli naħdem fuq dan il-proġett għax il-parti ta’ Katrina rbatt qalbi magħha! Dan l-aħħar bdejt il-gym ukoll u nixtieq li nkompli mmur matul is-sajf ħalli nibqa’ attiva fiżikament ukoll. Fl-aħħar u mhux l-inqas nixtieq inqatta’ sajf ma’ sħabi u mal-familja tiegħi!
MATTHEW ZERAFA
Student tal-B.A. għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-President tal-Pulse

Kollox jindika li das-sajf se jkun wieħed tajjeb ħafna. Bħala Pulse ftaħna s-sajf fuq nota pożittiva, komplejna nfasslu pjanijiet ta’ ħidma konkreta li permezz tagħha se nkomplu noffru dejjem l-aqwa rappreżentanza għall-istudenti u żgħażagħ. Rigward pjanijiet personali tiegħi għal dan is-sajf, se nkompli naħdem mal-Air Malta. Ma jonqosx ukoll li nieħu vantaġġ mit-temp biex noħroġ aktar spiss bil-mutur u ngawdi l-ġranet twal flimkien ma’ sħabi. Dan is-sajf ġejt mistieden ukoll minn għaqda studenteska ġewwa l-Italja għal ġimgħa ta’ taħriġ u diskussjonijiet li żgur se tkun waħda interessanti.
KAREN DECELIS
Studenta tal-Higher Diploma fil-Psikoloġija fl-Università ta’ Malta

Għadni kif spiċċajt it-tieni kors tiegħi l-Università. Is-soltu, fis-sajf naħdem mal-istudenti barranin, però dis-sena ħa nagħmel xi ħaġa kemxejn differenti. Jien nagħmel parti mill-grupp TMYT (Teatru Manoel Youth Theatre) taħt id-direzzjoni ta’ Denise Mulholland. Grazzi għal dan il-grupp, jien flimkien ma’ tnejn minn sħabi se nitilgħu Glasgow biex nieħdu sehem fl-International Company fit-Tin Forest Festival fl-Iskozja.
CHUCKY BARTOLO
Student tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta

Peress li jien bniedem li jinħaraq mhux jiswied, bħal kull sajf, il-pjan tiegħi hu li nagħmel dak kollu li nista’ biex ma nersaqx lejn il-baħar qabel il-ħamsa ta’ filgħaxija. Apparti l-evitar tax-xemx, das-sajf nixtieq nibda (u nispiċċa) nikteb il-ktieb li ħlomt bih waqt perjodi ta’ studju intensiv, inkompli naħdem mal-AEGEE (Forum ta’ Studenti Ewropej) u nsiefer kemm niflaħ, jew sakemm jispiċċawli l-flus li faddalt!
SHARON ZAMMIT
Studenta tal-B.Sc. fix-Xjenza tal-Farmaċewtika fl-Università ta’ Malta

Malta hija d-definizzjoni perfetta tas-sajf u hija, bla dubju ta’ xejn, l-aqwa destinazzjoni għal temp mill-isbaħ, bajjiet u divertiment. Madankollu s-sajf huwa wkoll l-aqwa żmien biex issiefer u din is-sena minbarra li ħa ngawdi f’Malta, se mmur għat-tielet festival mużikali f’ħajti, Rock Werchter, il-post ideali għal grupp ta’ ħbieb sabiex jiltaqgħu u jieħdu gost. Se mmur ukoll indur il-gżejjer tal-Greċja u ngawdi l-bajjiet, l-istorja u l-ikel bnin li joffru dawn il-gżejjer.
KEVIN MERCIECA
Social Policy fl-Università ta’ Malta

Żgur li das-sajf se mmur il-baħar ta’ spiss, l-għawm inħobbu ħafna u għalkemm ix-xitwa nippreferiha mis-sajf, is-sajf inkun ħerqan biex jasal biex inkun nista’ mmur ngħum u nixxemmex ma’ sħabi. Fl-aħħar nixtieq li matul dan is-sajf apparti li naħdem xi impjieg part-time biex ikolli x’nonfoq, insib ukoll ftit ħin biex nagħmel xi xogħol volontarju speċjalment ma’ organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli fis-soċjetà u għaqdiet oħra li jaħdmu favur il-ħarsien tal-annimali.


