La Barokka kbira wisq… fl-imħabba u l-ferħ

"Jekk ikolli nkun Ministru, irrid inkun Ministru tal-Ferħ"

La Barokka ma’ wliedha Aaliyah u Alicia
La Barokka ma’ wliedha Aaliyah u Alicia

Leħinha żgur li smajtuh fuq ir-radju, taqra l-aħbarijiet jew meta tużah bħala sopran. Leħen sabiħ, qawwi li minnu jispikka l-ferħ li hemm warajh. Ġurnalista li l-għors tagħha toħloq stejjer ta’ tama. Iżda wkoll ġurnalista politika li wassalha biex illum taħdem f’ministeru bħala l-persuna responsabbli mill-kommunikazzjoni. Qed nirreferi għal Maria Muscat jew kif inhi magħrufa bħala, ‘La Barokka’. Maria hi mara żagħżugħa li waslet fejn waslet bil-ħila tat-tbissima tagħha, tal-intelliġenża tagħha u tal-ferħ li hi mdawra bih. Hi mara li dak kollu negattiv kapaċi ddawru f’pożittiv u għalkemm l-ħajja tagħha bħal kulħadd offritilha wkoll il-problemi u l-mumenti ta’ qtigħ il-qalb, Maria lanqas biss taħseb fuqhom għax tara biss il-ġmiel li offritilha l-ħajja. Maria qatt ma rat il-figura kabbarija tagħha bħala negattiva, anzi ħassitha aktar pożittiva li ma kellhiex bżonn dik il-figura snella biex tasal fejn ħadmet għalih u skont hi stess dan għandu jagħmel kuraġġ lil dawk in-nisa magħmulin kbar biex ma jaqtgħux qalbhom jew jarawhom inferjuri ħdejn ħaddieħor. Maria l-Barokka, kbira f’ġisimha, kbira f’leħinha, kbira f’qalbha u kbira fl-imħabba!

Maria twieldet Birkirkara fid-19 ta’ Awwissu ta’ 36 sena ilu, bint Polly u Mario, it-tnejn mejtin u għandha żewġ ħutha, Brian u Lara. Maria hi omm kburija ta’ Aaliyah ta’ 8 snin u Alicia ta’ 4 snin.

“Kelli tfulija sabiħa ħafna, kont dejjem tifla ferriħija u niftakarni dejjem indaħħaq fil-klassi. Biss fil-primarja għaddejt minn bullying u niftakar kemm kont inħossni mwarrba minn ċerti tfal li ma kinux iħalluni nilgħab magħhom jew inkellimhom. Biss kont għelibtha billi bdejt inferraħ fil-klassi, indaħħaq b’xi ċajt ’l hawn u ’l hinn u kont inkanta l-Innu Malti kull filgħodu waqt it-talba. Niftakar li kont inħobb inkellem lil dawk it-tfal li ma kien jilgħab magħhom ħadd u nsir ħabiba tagħhom, forsi għax kont naf xi tfisser li tkun imwarrab.”

Maria għandha vuċi mill-isbaħ, tat disa’ kunċerti f’Malta, tnejn fl-Istati Uniti u wieħed Brussell. Il-ħajra għal kant bdiet tiġiha meta kienet tisma’ lil missierha jirrakkonta kemm kien ikanta meta kien tifel u anke meta kien żagħżugħ. “Jien il-kant kien iferraħni u niftakarni li kont nużah biex indaħħaq. Kont nuża dak il-leħen ta’ sopran, u nużah biex indaħħaq. Darba meta kont fil-Junior Lyceum tal-Imrieħel, kont tlajt fuq il-palk u waqt li bdejna nkantaw l-innijiet tal-Milied ħriġt fin-nofs tal-palk u bdejt inkanta b’leħen operistiku biex indaħħaq u ma ninsa qatt nara sala tfal jidħqu u jifirħu u ftit wara ġie għalliem jismu Victor Camilleri li talabni biex immur nistudja l-kant bis-serjetà. Nemmen li kien hu li ġegħelni nirrealizza li stajt inkanta bis-serjetà u nibqa’ nafulhu. 

“Wara, meta kont fil-Form 5 kien hemm għalliema oħra, Sue Vassallo Agius li riditni nieħu sehem fil-musical Phantom of the Opera mtella’ mill-iskola fejn kienet tatni l-parti prinċipali tal-Phantom. Kien dak il-mument meta dħalt bis-serjetà fid-dinja tal-mużika u ma ninsa qatt il-leħen ta’ Sarah Brightman u Michael Crawford. Kont nistudja l-partijiet kuljum u miskina oħti u ommi dak iż-żmien għax id-dar saret qisha studio tal-kant u l-mużika. Biss il-mewt ta’ ommi u missieri ħasditni wisq u qed inħossħa tant diffiċli li nagħti kunċerti mingħajr ma huma jkunu fl-udjenza. Dik hi l-verità sinċiera, ma nafx x’ġara! Bħal mietet xi ħaġa ġo fija. Biss għandi ħafna nies u ħbieb li jixtiequ li nagħti kunċert. Issa naraw.” Sadattant qaltli li d-dar tħobb tkanta ma’ wliedha u jifirħu flimkien.

Iżda l-karriera proprja tagħha m’għamlithiex mill-kant iżda mill-ġurnaliżmu. “Jien inħobb in-nies u l-istejjer umani u d-dinja tat-TV u radju dejjem affaxxinawni. Niftakar meta li nemmen li għeni ħafna biex nidra nippreżenta. Wara niftakar li mort l-Università u għażilt il-Communications. Dak iż-żmien kelli miegħi fil-klassi lil Peppi Azzopardi, u dan kien stedinni nidħol fit-tim ta’ Xarabank. Niftakar l-argumenti li kien ikolli ma’ Peppi imma nirringrazzjah għax kien hu li żera’ fija ħafna tagħlim siewi fosthom li nara storja f’kull persuna. Nistqarr li għalija personali l-isbaħ żmien ġurnalistiku beda ftit tas-snin ilu ma’ TVM għax sibt nies li verament emmnu fija u tawni ċans nimraħ.

“Però b’kull rispett lejn min imexxi l-mezzi tax-xandir. Minkejja li dejjem wasalt, xorta sibt bibien magħluqin għal ċerti opportunitajiet. Biex tirnexxi fil-mezzi tax-xandir trid tkun taf tittrasmetti l-aħbar, jew il-messaġġ. M’hemmx għalfejn tkun irqiq u xi mudella biex tagħmel dan. Jien għax persuna kabbarija qatt ma ngħatajt iċ-ċans li naqra l-aħbarijiet ewlenin u naf li r-raġuni hi biss il-figura, bħallikieku l-aħbarijiet se naqrahom b’żaqqi! F’dan il-lat inħoss li għadna ftit lura. B’xorti ħażina min imexxi l-mezzi tax-xandir jaħseb li għax raġel jew mara jkunu sbieħ, il-programm se jirnexxi. Biex tirnexxi trid tkun tajjeb. Jiena bħala jien, qatt ma kelli problemi, anzi forsi bil-figura kabbarija tiegħi, tajt kuraġġ lil dawk li jaħsbu li għax huma kbar ma jistgħux jirnexxu. Hija l-pożittività, xogħol iebes u determinazzjoni li twasslek fejn trid tmur. Biss jien personali rrid inkompli naqdef fuq dan l-aspett forsi ċerti mħuħ jinfetħu.”

Ma stajtx ma nitlobhiex tgħidli minfejn ġie l-istage name tagħha ta’ La Barokka. “Beda minn laqam li ngħatajt fl-Università, minn għadd ta’ studenti mqarbin li kelli miegħi. Kollox beda waqt lekċer tal-Professur Arnold Cassola li beda jispjega l-perjodu Barokk u beda jurina xi stampi ta’ anġli kbar u sbieħ, u minn hemm tal-klassi qalgħuhieli l-barokka u bħal qisu ndara u bdejt nużah jien ukoll.”

Maria hi persuna li minnha toħroġ ħafna pożittività li tattribwiha lill-Amerikan John de Lemme li jispeċjalizza fil-motivazzjoni u kien hu li żera’ fiha l-imħabba kbira lejn il-pożittività u l-missjoni li tgħin lil ta’ madwarha jsibu l-lat pożittiv. “Mort darbtejn l-Istati Uniti nkanta bis-saħħa tiegħu u laqqagħni ma’ ħafna personalitajiet Amerikani li lkoll midħla tal-qasam tal-movitazzjoni.” Maria tatribwixxi l-fatt li rnexxielha tkompli għaddejja u ma timradx wara dak kollu li għaddiet minnu fl-aħħar 8 snin lil dan il-bniedem. Maria hi mara ta’ karriera u fl-istess ħin trid trabbi żewġ ulied żgħar weħidha. “Illum qiegħda naħdem mal-Ministru George Vella u nixtieq ngħid pubblikament li aċċettajt li naħdem miegħu għax bniedem mhux biss ta’ rispett enormi, imma għalija hu bniedem ġgant fl-umanità tiegħu. Barra li hu bniedem eċċezzjonali fil-qasam tal-affarijiet barranin, hu bniedem li jaf jirrispetta u jagħder. Il-Ministru jagħraf li jien omm u l-fatt li hu jifhem dan, sibt mhux biss ambjent ta’ xogħol mill-aqwa, imma fih sibt familja. Kemm hi sabiħa li min iħaddmek jifhem li int ġenitur u li jinqalgħu mumenti fejn ma tkunx tista’ tkun preżenti x-xogħol. Għalhekk nemmen li meta jkollok dak li jimpjegak jifhmek, inti tagħtih mhux biss il-mija fil-mija, imma anki ħafna iktar minn dan.”

Niftakar li kont nisma’ lil Maria filgħodu taqra l-aħbarijiet u l-mod vivaċi ta’ kif kienet taqrahom kienet timlini b’ċertu ħeġġa għal kumplament tal-ġurnata. “L-iktar li nħobb it-TV, biss meta kont il-ONE, niftakar il-ferħ li kien ikolli meta nqajjem lin-nies b’dik it-tbissima fuq ir-radju u qabel l-aħbarijiet jien u Joe Tanti ngħidu dik il-kelma pożittiva u ċajtiera. Kemm kont nieħu pjacir.”

Dwar iż-żewġ mezzi, jiġifieri, radju u televiżjoni Maria tgħid hekk: “Ir-radju sabiħ ħafna għaliex tista’ tkun liebes il-pijama għax ħadd ma jkun jaf, trid tkun qed twassal leħnek b’ruħek u b’qalbek u tirnexxi żgur. It-TV iżda jagħtik l-istampa u hemm grazzi għall-camera person tista’ tagħti storja mill-aqwa. Biex tagħti storja tajba trid issib storja tajba, nies li jafu jittrasmettu l-messaġġ, camera person tajjeb li jifhem xi trid u editur. Meta kont TVM u anki meta kont il-ONE, kont xortija tajba ħafna.”

Kif tistgħu taqraw Maria kellha diversi battalji li rebħet b’xi mod jew ieħor iżda kien hemm battalja li baqgħet feruta biha sew. “Meta tlift lil ommi fuq il-bajja, b’attakk tal-qalb, qas naf x’kont se naqbad nagħmel. U sena u nofs wara tlift lil missieri b’kanċer.”

Ipattu għal dawn iż-żewġ disfatti l-ferħ li ġabulha magħhom iż-żewġ anġli tagħha, Aaliyah u Alicia, “xi ġmiel, x’unur li l-Mulej tani ċans li nsir mama.”

Sadattant tgħid li għaliha l-imħabba tfisser ħafna iżda minn meta saret omm l-imħabba lejn uliedha ssuperat kull imħabba oħra. “Nixtieq li wliedi jaraw fija omm li tħobbhom ħafna u nixtieq li jagħmlu kuraġġ ħalli meta mmut jibqgħu jġorru l-pożittività li dejjem żrajt fihom. Nixtieq li jkunu sodi, b’karattru ta’ kuraġġ, li jirnexxu fil-karriera tagħhom (tkun li tkun) iżda fuq kollox li jkunu sodi u determinati li jaslu. Irrid narahom lesti għal kull battalja għax jien miniex eterna.”

Iżda l-isbaħ parti tal-intervista li ħallietni bla kliem kienet meta staqsejtha li kellha tagħżel minn kantanta ta’ suċċess, ġurnalista rebbieħa tal-Pulitzer Prize jew ministru politiku x’kienet tagħżel. Pront wieġbet “Ministru tal-Ferħ”. Chapeau!

More in Socjali