
Kulma jmur, il-vjolenza domestika tibqa’ tiżdied sena b’sena
Jidher li s-sess femminili huwa l-iktar wieħed li jkollu jaffaċċja l-vjolenza domestika, fejn b’kollox kien hemm 1,680 vittma femminili li esperjenzaw il-vjolenza domestika • 78% tar-rapporti ta' vjolenza domestika kienu marbuta ma’ rapporti ta’ vjolenza psikoloġika

minn Sean Fenech

Jidher illi sena wara sena l-vjolenza domestika tibqa’ tikber, bis-sena 2024 tirreġistra numru rekord ta’ każijiet.
“Reġgħet kienet reġistrata żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika fejn fl-2024 kienu reġistrati total ta’ 2,255 każ,” jiktbu l-Professur Saviour Formosa u Janice Formosa Pace, l-awturi ta’ CrimeMalta Observatory.
“Jidher li m’hemmx tmiem għall-vjolenza domestika hekk kif il-figuri qed jiżdiedu sena b’sena,” kitbu l-istess awturi. Fil-fatt, l-istess awturi kitbu li l-vjolenza domestika fl-intier tagħha kibret b’154 każ jew b’7%.
Jekk inħarsu lejn in-numri sena b’sena, jidher li fl-2023 kien hemm 2071 rapport ta’ vjolenza domestika. In-numru ta’ każijiet fl-2023 jirrappreżenta wkoll żieda sinifikanti mill-2022, fejn ġew irrappurtati 1,828 każ.
Din iż-żieda fil-każijiet fl-2024 tagħmel il-vjolenza domestika r-raba’ l-ikbar kategorija mill-kategoriji tar-reati kollha rreġistrati fl-2024. Fil-fatt, ir-rapporti ta’ vjolenza domestika jammontaw għal 13.4% tat-total tar-rapporti.
Dil-informazzjoni ttieħdet minn sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari magħmula mill-Kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri.
Il-kategoriji tal-vjolenza domestika
Jidher ukoll li hemm xi forma ta’ ċaqliq fil-forom ta’ vjolenza domestika li qed jiġi rrappurtati, fejn l-awturi ta’ CrimeMalta Observatory kitbu li “78% ta’ dawn ir-rapporti kienu marbuta ma’ rapporti ta’ vjolenza psikoloġika.”
Fil-fatt kitbu wkoll li l-każijiet ta’ vjolenza psikoloġika żdiedu b’180 każ, jew żieda ta’ 12% meta mqabblin mal-2023.
Formosa u Formosa Pace kitbu wkoll li hemm “indikazzjoni ta’ tnaqqis fis-subkategoriji l-oħrajn, ħlief għall-każijiet ta’ offiża gravi fuq il-persuna li żdiedu b’26%.”
In-nisa jaffaċċjaw ħafna iktar vjolenza domestika
Jidher li s-sess femminili huwa l-iktar wieħed li jkollu jaffaċċja l-vjolenza domestika, fejn b’kollox kien hemm 1,680 vittma femminili li esperjenzaw il-vjolenza domestika.

Dawn jinkludu 95 vittma femminili bejn iż-żero u s-17-il sena; 136 vittma li għandhom 60 sena jew iktar; u 1,449 vittma ta’ bejn it-18 u 59 sena.
Iżda minkejja dan kollu, jidher illi s-sess maskili wkoll isofri mill-vjolenza domestika, fejn kien hemm 530 vittma maskili.
Minn dawn kien hemm 77 vittma bejn iż-żero u s-17-il sena; 100 vittma li għandhom 60 sena jew iktar; u 353 vittma ta’ bejn it-18 u 59 sena.
Fl-aħħar, kien hemm ukoll 15-il każ li, skont it-tabella li ta l-Ministru, jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “mhux applikabbli”.
Vjolenza domestika bejn koppji tal-istess sess jirrappreżentaw minoranza tat-total
Minn mistoqsija parlamentari oħra, did-darba magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar lill-istess Ministru, joħroġ ukoll li minoranza mill-każijiet ta’ vjolenza domestika fl-2024 involvew ukoll koppji tal-istess sess.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru żvela li kien hemm sitt każijiet ta’ vjolenza domestika bejn eks imsieħba tal-istess sess; żewġ każijiet bejn imsieħba tal-istess sess; u każ wieħed bejn koppja miżżewġa tal-istess sess.
San Pawl il-Baħar bl-akbar numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika
Jidher illi l-ikbar numru ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika ġie rreġistrat fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, fejn b’kollox ġew irreġistrati 149 każ.

Warajh insibu l-lokalitajiet ta’ Birkirkara, b’122 każ; Ħaż-Żabbar b’99 każ; Wied il-Għajn, il-Mosta, u Ħal Qormi b’90 każ kull wieħed; Birżebbuġa u ż-Żejtun b’84 każ; il-Ħamrun bi 82 każ; u l-Fgura bi 80 każ.
Min-naħa l-oħra, jidher illi l-lokalitajiet bl-inqas numru ta’ każijiet irrappurtati kienu l-Qala, Ta’ Xbiex, u x-Xewkija, b’erba’ każijiet kull wieħed; l-Imtarfa bi tliet każijiet; l-Għarb u Ta’ Kerċem b’żewġ każijiet kull wieħed; u l-Imdina, San Lawrenz, u Ta’ Sannat b’każ kull wieħed.
Dawn apparti l-Fontana u l-Għasri li ma rreġistraw l-ebda każ; iżda skont l-awturi tal-CrimaMalta Observatory dan hu “fenomenu li jinstab ukoll f’żoni rurali u żgħar fejn il-bidliet fil-leġiżlazzjoni jaf għad ma kellhomx effett biex jinkoraġixxu l-vittmi biex jirrappurtaw.”
Jidher ukoll illi Għawdex inġenerali ma tantx jirċievi rapporti ta’ vjolenza domestika, fejn l-iktar żewġ lokalitajiet li rreġistraw każijiet huma r-Rabat b’25 każ u x-Xagħra bi 18-il każ.
Għalfejn iż-żieda fil-każijiet?
Filwaqt li l-awturi ta’ CrimeMalta Observatory jiktbu li “hemm reati li għandna nqajmu iktar kuxjenza dwarhom biex ikunu rapportati, bħall-vjolenza domestika,” il-Ministru Camilleri insinwa li l-każijiet żdiedu għax żdiedu r-rapporti bis-saħħa tas-servizzi ġodda li bdew jiġu offruti biex jikkumbattu ż-żieda fil-każijiet tal-vjolenza domestika.
Fil-fatt, Camilleri qal “l-għan tal-Pulizija u tal-Professjonisti kollha li jaħdmu fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ... u d-Domestic Violence hub f’Santa Luċija ... huwa li jassistu bl-aħjar mod lil dawk li għandhom bżonn l-assistenza u dan huwa ċarament rifless fin-numri akbar ta’ rapporti.”
Min-naħa l-oħra, Formosa u Formosa Pace jiktbu li hemm xejra fejn il-vjolenza fiżika qed tmur minn “barra” għal “ġewwa”.
Fil-fatt, huma kitbu li fl-2024 il-persentaġġ ta’ reati li seħħew fuq ġewwa kien ta’ 35%, li huwa tnaqqis mill-persentaġġ fl-2023 li kien ta’ 39%. Iżda dan il-persentaġġ jirrappreżenta qabża sinifikanti minn għaxar snin qabel.
Dan għaliex fl-2014 il-persentaġġ kien ta’ 13%, li hija qabża sinifikanti wkoll mir-rata tad-deċennju ta’ qabel, jiġifieri fl-2004, fejn ir-rata kienet biss ta’ 4%.
Skont l-awturi din hija minħabba “realtajiet virtwali u diġitali li bdew iriegħdu n-normi tas-soċjetà, kif ukoll realtajiet ġodda bħalma huma bidliet fil-leġiżlazzjoni”. Dawn wasslu biex il-komponent fiżiku tar-reati jibda bil-mod il-mod imur minn barra fit-triq għal ġewwa fid-djar.
Barra minn hekk, l-awturi jsostnu wkoll li kien hemm tibdil rapidu fil-pedamenti tal-istrutturi tas-soċjetà, li huma l-politka, ir-reliġjon, l-ekonomija, il-familja, u l-edukazzjoni. Dan it-tibdil wassal biex “l-impatt tal-valuri u n-normi jsir inqas tanġibbli.”
Qalu wkoll li filwaqt li kien hemm tisħiħ fil-pedament politiku, permezz ta’ miżuri legali u implimentazzjoni ta’ miżuri tas-sigurtà li wasslu għal tnaqqis ta’ delitti bħal serq mid-djar u offiżi fuq il-persuna, il-pedament tal-familja ddgħajjef.
“L-iktar pilastru b’saħħtu li għandu x’jaqsam mal-familja jew id-dar qed isir iktar u iktar fraġli tant li n-numru ta’ inċidenti marbutin mas-sigurtà personali kiber drammatikament. Dan huwa rifless fil-vjolenza domestika ... kemm psikoloġika kemm fiżika.”
Fl-aħħar, Formosa u Formosa Pace qalu wkoll li kien hemm proċess ta’ żieda fil-kuxjenza kif ukoll fin-numru ta’ proġetti u inizjattivi li jistudjaw il-fenomenu tal-vjolenza domestika.
X’jitqies bħala vjolenza domestika? U x’inhu l-approċċ tal-pulizija f’dawn il-każijiet?
L-awturi tal-CrimeMalta Observatory kitbu li “r-rapporti tal-vjolenza domestika jirrelataw ma’ insegwiment ta’ persuna bil-moħbi (stalking), offiża ħafifa fuq il-persuna, offiża gravi fuq il-persuna, u ħsara psikoloġika.”
Skont il-Ministru Camilleri, ladarba jkun hemm rapport ta’ vjolenza domestika, tiskatta “investigazzjoni ħolistika” min-naħa tal-pulizija, speċjalment meta teħtieġ li tinġabar l-evidenza.
Il-pulizija jibdew jinvestigaw minnufih u m’għandhomx bżonn stqarrija tal-vittma biex isiru l-investigazzjonijiet. Iżda minkejja dan, Camilleri qal li l-pulizija “dejjem tħeġġeġ lill-vitma tirrilaxxa stqarrija biex din tikkumplimenta l-evidenza ... u għaliex din tkun ukoll essenzjali f’nuqqas ta’ evidenza materjali.”
Fil-fatt, parti mill-investigazzjoni ħolistika tal-pulizija tinkludi numru ta’ intervisti u interrogazzjonijiet, fejn jiġu mitkellma l-vittma, l-allegat aggressur, “flimkien ma’ xhieda oħra li setgħu kienu preżenti waqt l-allegat każ”.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija jinkludu wkoll ġbir ta’ kull evidenza materjali li tista’ tgħin fil-każ kif ukoll evalwazzjoni tar-riskji li tista’ taffaċċja l-vittma.
Meta l-każ ikun iktar serju, il-pulizija tikkonsulta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali “speċjalment minħabba li f’ċerti reati, il-prosekuzzjoni titmexxa minn avukat mill-istess uffiċċju.”
Il-proċedimenti fil-Qorti mbagħad ikunu jistgħu jibdew wara li jkun tlesta dan il-proċess kollu.