Storja ta’ tama: ħolma ssawret f’realtà
Xbajt nisma’ tgergir, theddid u insulti lejn l-Afrikani li jiġu Malta bid-dgħajjes, lejn l-Afrikani li jħallsu flushom kollha, jissugraw ħajjithom biex jippruvaw isibu ħajja aħjar.
minn John Busuttil
Ġieli kont jien stess li gergirt għax jiġu Malta b’mod illegali. Għalhekk iddeċidjet li niltaqa’ ma’ familja mill-Eritrea li ġew Malta bid-dgħajsa fl-2002 u llum 12-il sena wara rritornaw Malta bil-passaport legali biex jirringrazzjaw lil dawk kollha li għenuhom biex irnexxielhom jirrealizzaw ħolma. Samuel mill-Eritrea u li kien jgħix l-Etjopja u Gemet mill-Etjopja li kienet tgħix l-Eritrea, kellhom jaħarbu lejn is-Sudan minħabba li t-tnejn ma kinux milqugħa f’pajjiżhom. Iltaqgħu hemm, iżżewġu u ddeċidew li jfittxu futur suret in-nies fl-Ewropa. Daħlu bħala klandestini f’Malta, wara ħafna qtiegħ il-qalb ġew milqugħa mill-Għawdxin u llum irritornaw Għawdex b’passaport Amerikan u b’żewġ ulied. Żewġ gladjaturi li riedu li jsibu għajxien u mhux eżistenza. Gladjaturi li ġġieldu kontra l-inumanità, kontra d-deżert u kontra l-qawwa tal-baħar, taqbida li mhux dawk kollha li ppruvawha rnexxielhom joħorġu ħajjin minnha.
Samuel għandu 39 sena u martu Gemet għandha 35 sena, għalkemm Samuel stess lanqas hu ċert li l-età vera tiegħu hi dik li hi għax skont hu l-ġenituri tiegħu minħabba l-gwerer infiniti ta’ pajjiżhom qas jafu eżatt meta tweldulhom it-tfal u meta rreġistrawhom. Gemet twieldet fi Frar ta’ 35 sena ilu. Sibt quddiemi koppja bi tbissima mill-isbaħ u b’ħarsa mimlija ferħ u kuntentizza ta’ nies li sabu l-ħajja mill-ġdid. Omm u missier Sina ta’ 10 snin li twieldet Għawdex u Ukabel ta’ 7 snin li twieldet Malta. Għal dawn l-aħħar sitt snin bħala familja jgħixu Ohio fejn Gemet hi infermiera kwalifikata u Samuel fetaħ negozju ta’ mekkanik tal-karrozzi għal rasu.
“Kif ħadna l-passaport Amerikan iddeċidejna li niġu Għawdex ħalli nirringrazzjaw lil min għinna, speċjalment lil Tereża li għamlet wisq għalina u kienet ma’ marti mill-bidu nett. Issa reġgħet laqgħetna f’darha għal dawn il-vaganzi li ġejna nqattgħu hawn” qalli Samuel. “Għall-ewwel safra tagħna ddeċidejna li niġu hawn fl-art li laqgħetna u l-art li wettqitilna l-ħolm tagħna. Lil Malta u Għawdex nibqa’ nħobbhom u ngħożżhom sal-mewt, tant li anke meta morna Ohio, konna lbisna flokk b‘I Love Malta’ miktub fuqu.”
Samuel u Gebet intasbu fuq pultruna u bdew jirrakkuntawli minn xiex għaddew u kemm kienet diffiċli ħajjithom. “Xbajna fil-gwerer,” qaltli Gebet, “ridna pajjiż fejn hemm il-paċi, għalhekk bil-flus li ħadem għalihom Samuel, qsamna d-deżert Sahara. Domna għaxart ijiem naqsmuh, bżajna iżda tant kellna tama għal ħajja aħjar li għelibna kull biża’.”
“Ħallasna $500 kull wieħed biex qsamna d-deżert u $1,200 kull wieħed biex qsamna mil-Libja fuq id-dgħajsa” qalli Samuel, “u dan kien fl-2002 għax minn dak iż-żmien il-prezzijiet irduppjaw.”
Jiġifieri dawk li m’għandhomx flus ma jistgħu jaħarbu qatt? “Aħna poplu magħqud u bejnietna nippruvaw niġbru biex ngħinu lil min ma jkollux” weġibni Samuel.
Bdew jirrakkuntawli minn liema trattament għaddew meta waslu l-Libja. Qaluli li hemmhekk lill-Afrikani li riedu jaqsmu kienu jitrattawhom bħall-annimali. Hemm minnhom li joħdulhom il-flus imbagħad jgħidulhom li m’hemmx dgħajsa. Qaluli li meta jitolbu xi pjaċir kulħadd jitlobhom il-flus. Semmewli wkoll kemm hemm żgħażagħ il-Libja ma jaħdmux u kollha spiċċaw vittmi tal-eroina. “Fi ftit minuti mid-dgħajsa tagħna biss qala’ kwart ta’ miljun dollaru għax konna 250 bl-$1,200 il-persuna. Qabel itellgħuna fid-dgħajsa jpoġġuna fl-għelieqi moħbija. Iżda tiskanta kif imbagħad il-pulizija jħalluna għaddejjin. Żgur li hemm organizzazzjoni sħiħa wara dan ix-xogħol!”
“Kellna wegħda li niġu lura Malta nirringrazzjaw lil kull min ħa ħsiebna”
Gemet u Samuel qaluli li huma qatt ma kienu raw baħar qabel rikbu d-dgħajsa u l-uniku ilma li kien raha Samuel kien dak tax- xmara Nil, f’Khartoum is-Sudan. “Irkibna fuq xulxin 250 persuna u fostna kien hemm 40 tifel u tifla,” qaltli Gemet, “ma’ nofsillejl bdejna nitwerwru għax il-baħar beda jsir aktar qawwi, kulħadd beda jirremetti.”
Samuel qalli li l-kaptan beda jagħmel kuntatt mal-Italja biex jagħtuhom l-għajnuna “għax anke marrilna l-GPS, iżda dawn qalulna li qegħdin fl-ibħra Maltin u għandna nitolbu lil Maltin, it-Taljani ma ridux jgħinuna. Ikuntattjajna lil Malta u dawn qalulna li ħerġin ifittxuna, iżda ntlifna fil-baħar u ma setgħux isibuna. Wara lejl, ġurnata u għaxija ta’ qtigħ il-qalb rajna ajruplan idur fuqna u ġew patrol boats li ġabruna mid-dgħajsa tagħna u ħaduna Malta.
“Kien bil-lejl u poġġewna Ħal Far. Lili u lil marti firduna fejn domna xahrejn mifrudin u ma narawx lil xulxin.” Qalli Samuel, kompliet Gemet “lil sħabna bagħtuhom lura għax il-gvern tagħna qalilhom li ma kienx hemm gwerer f’pajjiżna u l-Maltin ma kinux jafu, u min jaf x’sar minnhom. Lilna ħallewna hawn għax billi konna mħalltin mill-Eritrea u l-Etjopja ma kinux jafu fejn se jibgħatuna u għalhekk wara xahrejn tpoġġejna flimkien fil-kamp ta’ Ħal Far fejn qattajna għaxar xhur hemmhekk. Kien żmien xejn sabiħ, konna rrabjati għal Malta għax aħna konna ġejna nfittxu futur u mhux ħabs. Iżda fl-aħħar għarfuna bħala refuġjati u fraħna ħafna.”
“Però ma domniex nifirħu” qal Samuel “għax kif ħriġna barra ndunajna li ma kellniex fejn immorru u rritornajna fil-kamp minn jeddna.”
Iżda l-fortuna reġgħet tbissmitilhom meta tfaċċa quddiemhom qassis, Dun Ġorġ minn Għawdex li sema’ dak li kellhom jgħidulu u ħadhom Għawdex miegħu, “hawnhekk sibna mħabba kbira. Tawna appartament għal xahar sħiħ mingħajr ma ħallasna” qalli Samuel. Gemet bdiet taħdem fir-ristorant tar-Rexy u Samuel beda jaħdem ma’ Bugeja Fisheries. “Sadattant jien kont tqila bl-ewwel tifla u kulħadd beda jieħu ħsiebi,” qaltli Gemet, “meta ġejt biex inwelled, lestewli basket biex nieħdu l-isptar, kienu jġibuli l-ikel u jżuruni l-isptar u meta rritornajt fl-appartament sibt li naddfuli kull m’hemm u d-dar kienet mimlija ħwejjeġ għat-tarbija l-ġdida.”
Wara sentejn Għawdex, Samuel sab xogħol bħala mekkanik mal-Avis f’Malta u niżlu jgħixu f’Malta fejn kellhom it-tieni wild tagħhom. F’Awwissu tal-2008 ngħataw l-aħbar li kellhom imorru Ohio l-Istati Uniti, “ma ħadtx pjaċir għax Malta kont inħobbha wisq. Il-Maltin fetħulna l-bibien ta’ djarhom. Iżda kellna mmorru. Meta l-Amerikani rawna bil-flokk ta’ I love Malta’, staqsewna, ‘what is Malta?’ u jien weġibthom ‘it is the most peaceful country in the world.’
Sadattant Gemet studjat għal infermiera u Samuel irnexxielu anke jiftaħ negozju għalih bħala mekkanik. “Fl-aħħar irrealizzajna l-ħolm tagħna” qalli Samuel, “iżda kellna wegħda li kif nieħdu l-passaport Amerikan niġu Malta ngħidu grazzi lil poplu ta’ qalb tajba. Ġejna Għajnsielem fejn in-nies ta’ hawn inqisuhom bħala t-tieni familja tagħna. Sadattant meta smajna u qrajna dil-ġimgħa li wħud mill-Afrikani spiċċaw mejta fuq id-dgħajjes, irrealizzajna kemm konna fortunati. Nemmen li t-tama salvatna, it-tama żammitna nissieltu mal-ħajja sa ma ħriġna minn fuq.”
Qabel tlaqt tlabthom jgħiduli x’inhi l-vera xewqa tagħhom, “li kieku qatt ma kellna biex naħarbu minn pajjiżna. Nixtiequ li jkollna l-paċi f’pajjiżna u nkunu nistgħu ngħixu komdi hemm,” qaluli t-tnejn li huma. “Iżda diffiċli” qaltli Gemet, “għax hemm wisq tribujiet fl-Afrika li ma jaqblux ma’ xulxin. Immaġina fl-Eritrea biss għandna 81 lingwa meta aħna għandna biss popolazzjoni ta’ erba’ miljuni.”
Minn Għawdex din il-familja se tmur l-Iżvezja fejn se jiltaqgħu ma’ ħu Gemet li wkoll ħarab mill-Eritrea u sab futur fl-Iżvezja u wara jkomplu l-ħajja flimkien maż-żewġ uliedhom li llum jitkellmu b’aċċent Amerikan perfett f’Ohio.
Storja kbira ta’ tama ta’ familja Afrikana li ssieltet kontra l-mewt sa ma kisbet… il-ħolma li twettqet.