Abbundanza ta’ saħħa, enerġija u eżerċizzju

Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa diġà bdiet tħalli l-frott

Id-Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa mixgħula bil-lejl
Id-Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa mixgħula bil-lejl

F’Malta hawn madwar 2,000 persuna li jbatu minn diżordni fl-attitudnijiet tal-ikel bħal m’huma l-bulimja u l-anoressja. Dan l-istudju ħareġ wara stħarriġ li sar mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika (NSO) u ġie analizzat minn Dr. Calleja, id-Direttur tal-Informazzjoni għas-Saħħa. 

Dawk li xi darba jew oħra għaddew minn battalja ta’ eating disorder huma madwar 4,000. Meta dawn il-figuri ġew imqabbla ma’ statistika ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa kien innutat li ċ-ċifri kienu simili. 

Il-faxxa ta’ nies li l-iktar isoffru minn dawn it-tipi ta’ kundizzjonijiet huma ż-żgħażagħ bejn il-15 u d-19-il sena.

Meta nħarsu lejn l-obeżità sfortunatament naraw kif pajjiżna jibqa’ jirrenja fil-quċċata tal-lista meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, b’hekk il-pass meħtieġ kien li jitwaqqaf post adattat għal persuni li jbatu minn problemi minħabba l-ikel. 

Dan l-istħarriġ wera fiċ-ċar il-bżonn ta’ ċentru apposta u immedjatament bdiet tfittxija għal bini adattat li jkun separat mill-isptar. Intuża dak li qabel kien il-kwartieri tas-sorijiet fl-Imtarfa.

“Inqast 28 kilo!”

Dan il-bini, mibni fl-1924 kien jintuża mis-sorijiet bħala sptar militari tal-Ingliżi. Deher bħala l-post adattat u wara li ġie rrestawrat inħoloq ambjent ta’ dar għar-residenti. 

Fl-istess waqt bdiet ukoll ħidma biex tiġi mwaqqfa fondazzjoni biex tmexxi din id-dar, isir ftehim bejn il-Ministeru tas-Saħħa u ċentri oħra fir-reġjun ta’ Umbria li kienu l-ewwel ċentri mwaqqfa fl-Italja. L-għanijiet tal-fondazzjoni huma kemm li toffri kura ħolistika lil persuni li jsofru jew minn xi eating disorder jew obeżità u tippromwovi ħajja sana.

Il-ġurnal ILLUM iltaqa’ ma’ Darleen Zerafa direttriċi ta’ din id-dar fejn tkellmet dwar x’inhu l-frott li qed iħalli dan iċ-ċentru. 

“Dar Kenn għal Saħħtek huwa ċentru maqsum f’żewġ partijiet - parti li tospita pazjenti bi problemi t’obeżità u parti li toffri kura lill-pazjenti li jsofru minn eating disorders.

It-tim multidixxiplinarju hu magħmul minn diversi professjonisti, li flimkien ifasslu programm għal pazjent skont il-ħtiġijiet tiegħu.”

X’inhu x-xogħol li jsir f’din id-dar, kif titratta l-persuni obeżi u anke lil dawk b’xi eating disorder bħall-anoressja u l-bulimja?

Il-pazjenti obeżi jkollhom lezzjonijiet varji, kemm individwali kif ukoll fi gruppi. Dawn jitrattaw suġġetti kemm li għandhom x’jaqsmu mad-dietà tagħhom kif ukoll dwar il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Il-programm jaħdem mhux biss fuq l-aspett nutrittiv iżda wkoll fuq l-aspett psikoloġiku, motivazzjonali, fuq l-istima tal-persuna u fuq attività fiżika.

Il-qasam nutrittiv – “naraw li dawn il-pazjenti jkollhom sessjonijiet individwali mad-dieticians sabiex ifasslu d-dieta tagħhom u ma’ nutrizzjonisti fejn flimkien jitgħallmu jixtru, isajru u jippreparaw ikel nutrittiv. Jitgħallmu wkoll kif għandhom iqassmu l-baġit tagħhom sabiex bil-flus li jkollhom, jitgħallmu jagħżlu l-aħjar ikel. Jitgħallmu jaqraw u jinterpretaw it-tabelli nutrittivi tal-prodotti, kif ukoll jitgħallmu jikkalkulaw il-porzjonijiet. Flimkien mal-fiżjoterapisti (li jkunu għamlu t-testijiet kollha neċessarji sabiex ifasslu proġramm ta’ eżerċizzju li jkun wieħed individwali) jagħmlu eżerċizzju kuljum, u apparti mill-ġimm, ikollhom ukoll dak l-eżerċizzju li jistgħu jagħmlu d-dar. Huwa importanti li fil-proċess it-terapista dejjem jigwidawhom għall-ħajja indipendenti fis-soċjetà.”

Dawn il-pazjenti jingħataw għodda sabiex jitgħallmu jagħrfu kif għandhom jindirizzaw il-problema u jkunu assertivi f’dak li jagħmlu.

Dawk il-pazjenti li jsoffru minn eating disorders naraw li waqt il-programm il-pazjenti għandhom numru ta’ sessjonijiet fejn jistgħu jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom b’diversi modi, fosthom arti, letteratura u gruppi espressivi.

“Dan il-programm jaħdem mhux biss fiżikament imma anke moralment”

Il-pjan tal-ikel ikun diskuss flimkien mad-dietician tagħhom u flimkien jaslu għal pjan li jibdew iżidu l-ikel b’mod gradwali. Taħt is-superviżjoni tan-nutrizzjonista l-pazjent jiekol dak li jkun provdut lilhom.

Id-Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa mixgħula bil-lejl
Id-Dar Kenn għal Saħħtek fl-Imtarfa mixgħula bil-lejl

Fl-Ewropa

Età        Anoressja    Bulimja    Jieklu bla rażan

18-29        1.1%               0.9%                   2.5% 

30-44        0.6%               0.8%                  1.1%

F’Malta

Età        Anoressja    Bulimja    Jieklu bla rażan

18-29        1.3%               0.6%                   0.7% 

30-44        1.1%               0.2%                  1.9%

Il-kurituri la darba ġew irrestawrati għal ftuħ ta’ din id-dar
Il-kurituri la darba ġew irrestawrati għal ftuħ ta’ din id-dar

Ħidma oħra qiegħda ssir fuq bażi out-patients, fejn pazjenti jsirulhom diversi appuntamenti ma’ professjonisti differenti.Dan il-proċess hu wieħed li beda b’mod gradwali. 

Dar Kenn għal Saħħtek taħseb ukoll fil-familja tal-pazjenti tagħha. Toffri wkoll assistenza u għajnuna għal familja sabiex waqt li l-pazjent ikun rikoverat, il-familja jitgħallmu u jkunu gwidati sabiex it-terapija tkun waħda ta’ suċċess.

ILLUM tkellem ukoll ma’ persuni li għamlu l-programm u staqsa lilhom stess xi frott raw minn din id-dar. Marina Gado tkellmet mal-ILLUM dwar il-programm li għamlet ta’ għaxar ġimgħat. “Għamilt seba’ ġimgħat immur kull filgħodu mis-7am sal-4pm, l-aħħar tliet ġimgħat kont ngħix hemm u norqod hemm matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa kont immur id-dar biex inqattgħu mal-familja.”

Kif saret taf b’dan il-programm? “Jien kont għadni ma smajtx bih, ċemplitli kuġinti u kienet hi li ħeġġitni u għamlitli l-kuraġġ biex nibda. Illum il-ġurnata ngħid li mnalla kienet hi għax tassew sodisfatta. “Dan il-programm jaħdem mija fil-mija, mhux biss fiżikament imma anke moralment. Qabel kont inbati minn problemi ta’ zokkor u pressjoni, illum il-ġurnata kollox normali u kif suppost.”

Marina tiddeskrivi d-dar bħala tal-ġenn, “Hemm ambjent tal-ġenn, it-tagħmir, il-ħaddiema mill-aqwa. Jekk ikollok xi problema mill-ewwel iġibulek tabib u anke f’każijiet fejn kien hemm bżonn ta’ ambulanza dejjem għamlu mill-aħjar li jistgħu bl-aħjar mod possibbli.”

Il-ġurnata f’din id-dar għal Marina kienet tibda b’kolazzjon filgħodu, imbagħad jibda immedjatament it-taħriġ u l-eżerċizzju. Kien ikollhom ukoll għadd ta’ lekċers, tlieta b’kollox u l-ġurnata kienet tispiċċa fl-4pm. Meta kienet tgħix hemmhekk kienet tagħmel ħafna xogħol tal-idejn waranofsinhar u jmorru għal xi mixja filgħaxija. “Konna nagħmlu anke zumba, għax għandhom it-tagħmir kollu.”

Fuq xiex kienu jkunu l-lekċers? “Konna nitgħallmu ħafna fuq ix-xaħmijiet, il-karboidrati, kif inqassmu flusna u l-paga u nitgħallmu nixtru affarijiet li huma tajbin għal saħħitna.”

“Jien nissuġeriha lil kulħadd! Jien inqast ħafna bis-saħħa ta’ dan il-programm. Mhux qed ngħid li se tkun faċli għax filli tkun tiekol il-junkfood imbagħad tibda titgħallem tiekol ikel tajjeb għal saħħtek. Illum il-ġurnata għandi stil ta’ ħajja b’saħħtu u nħeġġeġ lil min qed jitħajjar biex ma jaqtax qalbu u jibda!”

L-obeżità ma taffetwax biss lin-nisa, Chris Cutajar ukoll beda l-programm f’Dar Kenn għal Saħħtek fis-26 ta’ Ġunju li għadda u għadu kemm spiċċah ġimgħa ilu. F’kumment qasir li ta lill-gazzetta ILLUM Chris qal li minn dan il-programm tgħallem jiddixxiplina ruħu u llum il-ġurnata jista’ jgħid li jinsab kuntent li daħal għal dan il-programm. “Inqast 28 kilo! Żidt fl-eżerċizzju u rċivejt gwida fuq kif u x’għandi niekol.”

Din hija inizjattiva li kienet tant meħtieġa f’pajjiż li huwa dejjem mifni bil-problema tal-obeżità. L-istatistiċi Maltin dejjem jirnexxilhom jikklassifikaw fil-quċċata ta’ listi Ewropej u anke dinjin fejn jidħol il-piż żejjed u l-obeżità. Wasal iż-żmien li issa, bla skużi ta’ xejn, nistgħu niftħu għajnejna u naqbdu t-triq għal ħajja sana kemm fiżikament u anke moralment.

More in Socjali