Jitħabbar il-programm tal-Għid f’Għawdex bit-tema Arti, Fidi u Tradizzjoni

“L-Għid f’Għawdex huwa ċelebrazzjoni li tgħaqqadna bħala komunità u tfakkarna fil-valuri li jiddistingwuna. Huwa żmien fejn flimkien niċċelebraw il-fidi tagħna, insaħħu t-tradizzjonijiet li writna u nħaddnu s-sbuħija tal-kultura tagħna"

(Ritratt: Dipartiment tal-Informazzjoni)
(Ritratt: Dipartiment tal-Informazzjoni)

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm tal-Għid f’Għawdex 2025, bl-attivitajiet għal żmien ir-Randan se jibdew fit-18 ta’ Marzu u jibqgħu sejrin sal-20 ta’ April meta tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Ħadd il-Għid.

B’kollaborazzjoni mal-komunità, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħejja programm varjat u organizzat, li jinkludi aktar minn 100 attività mifruxa madwar il-gżira Għawdxija, biex dan il-perjodu tal-Għid ikun esperjenza interessanti għal kulħadd.

Il-Ministru Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza tal-Għid bħala parti mill-identità Għawdxija. “L-Għid f’Għawdex huwa ċelebrazzjoni li tgħaqqadna bħala komunità u tfakkarna fil-valuri li jiddistingwuna. Huwa żmien fejn flimkien niċċelebraw il-fidi tagħna, insaħħu t-tradizzjonijiet li writna u nħaddnu s-sbuħija tal-kultura tagħna. Nemmen li bil-programm li qed nippreżentaw se nerġgħu għal darb’oħra nkunu l-għażla naturali tal-Maltin li jżuruna u l-barranin li għal darb’oħra jagħżlu lil Għawdex f’dan iż-żmien.”

Il-kalendarju ta’ attivitajiet jinkludi fost l-oħrajn purċissjonijiet, funzjonijiet sagri u wirjiet kulturali, li juru l-impenn tal-komunità Għawdxija biex tkompli tgħaddi l-valuri ta’ fidi u tradizzjoni lill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lil kulħadd sabiex jesperjenza dak kollu li Għawdex għandu x’joffri f’dan iż-żmien speċjali tas-sena.

Sabiex wieħed jaċċessa kopja tal-programm kollu jista’ jżur https://eventsingozo.com/easter-in-gozo-2025

More in Socjali