Għaxar snin battalja kontinwa kontra l-kanċer… issa trid tibda tgħix

Fleur Marie Cilia Bucket għexet l-aħħar għaxar snin tibbattalja kontra l-marda qerrieda tal-kanċer. Għaxar snin ta’ turmenti tiġġieled flimkien ma’ oħtha ż-żgħira din il-marda, b’oħtha Michelle ikollha kull tip ta’ kanċer mill-2004 sa ma mietet dis-sena u hi stess għadha tiġġieled kontra l-kanċer tas-sider u nhar il-Ħamis li ġej dieħla għal operazzjoni kbira tal-hysteroctomy. Però dan kollu ma qatagħlix qalbha li tkompli tgħix jew skont hi terġa’ tibda tgħix mill-ġdid għax l-aħħar għaxar snin eżistiet u mhux għexet.

Fleur u oħtha Michelle
Fleur u oħtha Michelle

Fleur għandha 43 sena, bint omm Ingliża u missier Malti proprjetarju tal-ħanut taż-żraben popolari fil-Belt ‘Rex Shoe Store’. Fleur hi xebba mimlija ħajja u wliedha huma t-tliet iqtates maskili li għandha, Siberjan, Norveġiż u Eġizzjan, “Komplejt inżomm ir-razza tiegħi internazzjonali” qaltli bi tbissima.

Ma kienx faċli lanqas għalija li nqatta’ sagħtejn nisma’ minn liema kalvarju għaddiet din il-mara żagħżugħa fil-ħajja tagħha, aħseb u ara għal Fleur li għexitha.

Fleur fil-fatt hi mara sabiħa, tant li f’żogħżita kisbet ħafna popolarità fl-immudellar u anke fil-kompetizzjonijiet li kienet tieħu sehem fihom fil-Miss Malta Contest, fejn rebħet diversi kategoriji bħal ‘Miss Elegance’ u ‘Miss Glamour’ fost oħrajn. Iżda apparti l-ġmiel naturali tagħha, il-ħajja ma tbissmitilhiex wisq fejn tidħol saħħa. Għax wara li tilfet lil ommha bil-marda qerrieda tal-kanċer meta kellha 15-il sena, issa tilfet lill-oħtha f’Ġunju li għadda u għal dawn l-aħħar erba’ snin qiegħda tiġġieled kontra l-kanċer tas-sider. Iżda dan kollu ma jaqtagħliex qalbha għax Fleur hi mimlija kuraġġ u dan il-kuraġġ trid twasslu lil dawk li għaddejjin minn mumenti diffiċli ħalli jemmnu li fl-aħħar jitfaċċa d-dawl.

U meta taqraw din l-istorja li fi ħsiebni nwasslilkom illum żgur li se taqblu miegħi li din il-gladjatur tal-ħajja għandha tgħin mhux ftit lil dawk li qed jaqtgħu qalbhom mill-ħajja.

Bdiet ir-rakkont tagħha meta fl-2009 ħasset boċċa f’sidirha u marret għand il-professur li qalilha li għandha glandola ffjammata u qalilha biex tistenna sena u din tinżel weħidha. “Kont fil-fatt misdiagnosed. Kont muġugħa u ma stajtx norqod wiċċi ’l isfel u ddeċidejt li nneħħi din il-boċċa li wara l-biopsy qaluli, eżatt f’lejliet il-Milied li kelli kanċer grad 3. Kont fortunata biss li ma laħaqx daħalli ’l ġewwa fis-sider. Kelli nieħu r-raġġi mit-Tnejn sal-Ġimgħa għal tliet xhur sħaħ. Tliet xhur li lanqas stajt ninħasel biss. Tliet xhur li fihom ħassejtni waħdi anke jekk kelli familja u ħbieb li ħadu ħsiebi. Tliet xhur li fihom kont norqod ħafna u niekol u nixrob biss frott u ħxejjex u nagħmel l-eżerċizzju għax hekk qalli l-professur Brincat li kelli nagħmel biex infiq. Issa baqagħli sentejn oħra biex nispiċċa l-mediċina ta’ dan il-kanċer u ta’ 45 sena rrid nerġa’ nixtri mutur u nkompli l-ħajja ta’ biker li kelli nwaqqafha minħabba l-kanċer.”

Għax Fleur disa’ snin ilu tgħallmet issuq l-mutur u xtrat Honda 400cc u saret biker fejn kull nhar ta’ Ħadd kienet tiġri ma’ ċorma ħbieb ta’ bikers madwar Malta u Għawdex. “Min qatt kien jgħidli li fis-7.30 ta’ filgħodu kont se nkun iċ-Ċirkewwa kull nhar ta’ Ħadd, mal-bikers. Iżda kien żmien fejn għamilt ħafna ħbieb u kont ferħana ħafna. U kif jgħaddi kollox irrid nerġa’ nagħmel parti minn dan il-grupp ta’ bikers.”

Sadanittant il-Ħamis li ġej, Fleur dieħla tagħmel operazzjoni tal-hysteroctomy wara li ddeċidiet li tneħħi l-utru biex tippreveni mir-riskju li jkollha xi kanċer hemmhekk ukoll, “aħjar hekk milli nissogra għax fil-familja għandna storja ta’ kanċer, ommi, oħt ommi, il-kuġina ta’ missieri, iz-zija ta’ missieri, oħti u anke jien. Nippreferi li naqta’ kull tama li nsir omm milli mmut.” qalet Fleur, bid-dmugħ f’għajnejha meta semmiet li issa qatt ma setgħet issir omm.

Meta hi kellha 10 snin, ommha kienet diagnosed bil-kanċer tas-sider u hi spiċċat mifruda minnha għal ħafna żmien, għax kienet għamlet l-operazzjoni l-Ingilterra u Fleur baqgħet Malta tieħu ħsieb missierha filwaqt li oħtha Michelle kienet tmur ma’ ommha l-Ingilterra u toqgħod mal-kuġini tagħhom hemmhekk. “Michelle kienet għadha ċkejkna u għaliha kienet festa tgħix ‘vaganza’ l-Ingilterra.” Sadanittant Fleur waqfet mill-iskola u spiċċat tistudja għall-‘O’ levels u ‘A’ levels weħidha d-dar u rnexxielha. Il-battalja ta’ ommha kontra din il-marda tawlet għal sitt snin sħaħ u kienet tgħidilha, ‘I am living to see you two grow up’ u kienet talbet lil ħabiba tagħha, Hilary Camilleri biex tieħu ħsieb uliedha “u fil-fatt wara li mietet ommi Hilary kienet it-tieni omm għalina.”

Fleur qaltli li sa dik l-età huma kienu jitkellmu bl-Ingliż biss minħabba ommha, “konna nitkellmu bl-Ingliż mhux bi qżież, għax jien ma niflaħx nisma’ Maltin jitkellmu bl-Ingliż, iżda billi ommna Ingliża twelidna nitkellmu bl-Ingliż. Iżda mal-mewt ta’ ommi, missieri qalilna, ‘ejja ħa nitgħallmu l-Malti.’ U hekk għamilna.

Mal-mewt ta’ ommi jien ħadt il-parti tal-omm ma’ oħti, iżda nkwetajnih wisq lil missieri. Missieri kien akbar minn ommi madwar 20 sena, u immaġina ta’ 61 sena sab ruħu jrid irabbi żewġ adoloxxenti. U aħna konna tfajliet ribelli u mqarbin ħafna. Konna indemonjati u konna ninkwetawh wisq” qaltli Fleur bid-daħka.

Fleur u Michelle kienu żewġ aħwa inseparabbli, dejjem flimkien u kien xokk kbir għal Fleur meta fl-2004, meta Michelle kellha 28 sena sabulha l-kanċer tal-imsaren u minn dak iż-żmien sa Ġunju li għadda din l-imsejkna tfajla ma waqfitx tissielet kontra din il-marda qerrieda. “Wara l-kanċer tal-imsaren, ħarġilha kanċer tal-fwied u wara l-agħar grad tal-kanċer tas-sider fejn kellhom jaqtgħulha sidirha bħal ommi. Imbagħad tfaċċalha ieħor fi griżmejha u anke fil-pulmun. Spiċċat anke bil-lukemja. U spiċċat dejjem bil-kimoterapija.

“Jien dejjem kont magħha, niġri magħha minn sptar għal sptar u bdejt naraha dejjem tinbidel, tonqos u daqqa tintefaħ. Insomma dik il-ġmiel ta’ Michelle qas bqajt ngħarafha. Mill-2004 sal-2013 kien martirju għal Michelle u anke għalija. Bdejt neżisti u mhux ngħix.”

Fleur b’għajnejja kollha dmugħ irrakkuntatli l-aħħar mumenti ta’ oħtha, “Immaġina John. Għadha ħajja u jien kont qed nipprepara l-funeral tagħha. Spiċċajt nitlob lil Mulej li jeħodha għax kienet qed tbati wisq. Mhux hekk meta mietet spiċċajt tgerfixt għax tlift rutina ta’ 10 snin niġri fl-isptarijiet għal kimoterapija. Temminni? Meta niftakar fiha, nibki u nimmissjaha imma kuntenta li mietet u ma baqgħetx tbati. Barra hekk fl-aħħar xhur meta spiċċat l-isptar Boffa hi kienet taf li se toħroġ minn hemm f’tebut. Tant li hi xtaqet ukoll li tindifen bl-abjad. Kienet anke kitbet ktieb li għaddituli fejn kitbet dak li kienet tħoss u kitbet kliem ta’ kuraġġ, waħda mill-kitbiet tagħha kienet ‘be kind to everyone who comes in your path’. Bħala epitaffju fuq il-qabar riedet hekk ‘Make Every Day special. Never give up the fight.’”

Staqsejt lil Fleur x’kienu l-aħħar kliem li semgħetha tlissen, “Michelle waqfet titkellem fit-23 ta’ Marzu meta għamlulha toqba taħt griżmejha u l-aħħar kelma li qaltli kienet ‘Inħobbok’ u bistha. Min-naħa tiegħi fil-5 ta’ Ġunju jien għidtilha, ‘I love you Michelle’ ħadet żewġ nifsijiet u mietet. Qabel kienet talbitni biex meta tagħlaq 40 sena mmur fuq il-qabar tagħha mal-ħbieb tagħha u nżejnuh bil-bżieżaq vjola. Hekk għamilna u dak kien l-għeluq tiegħi f’dan il-kalvarju. Issa rrid nerġa’ nibda ngħix, inħares ’il quddiem għal ħajja ġdida.”

Staqsjet lil Fleur kif irnexxielha tkompli għaddejja, “Jien skorpjuna. Nothing will beat me. Għalkemm kultant inħossni ipokrita għax ngħid hekk u ma nagħmilx dak li ngħid.”

Fleur saret magħrufa mal-poplu Malti minħabba l-attività tagħha favur l-annimali. Din l-imħabba u l-attività favur tagħhom bdiet meta tkexkxet bl-aħbar tal-kelba Star midfuna ħajja. “Minn hemm iddeċidejt li niġġieled favur id-drittijiet tal-annimali fejn ġejt mgħejuna minn ħabiba Franċiża li anke fetħitli sit fuq l-internet. Organizzajt protesta u għamilt l-ewwel diskors pubbliku tiegħi. Kien suċċess kbir tant li minn hemm ħraxu l-pieni għal min jaħqar l-annimali. Wara bdejt battalja kontra l-annimali fiċ-ċirklu u f’dan il-baġit inħoss li rbaħna waħda oħra kbira.” Jiġifieri Fleur ma kellhiex telf biss f’ħajjitha. Jidher li beda jitfaċċa r-rebħ ukoll.

Staqsejtha tgħidli xi ħaġa dwar missierha li llum għandu 86 sena. “Immaġina li dan il-bniedem ra lil martu u lil bintu żgħira jmutu taħt tbatijiet kbar. Iżda hu ta’ karattru kwiet u kapaċi jsofri fil-kwiet. Fil-fatt igerger ftit għax jien niddiskuti l-istorja tagħna fil-pubbliku għax hu riservat. Missieri kien playboy kbir u fil-fatt iżżewweġ lill-ommi meta kellu 40 sena u hi kellha 22 sena.”

Staqsejtha wkoll x’inhi l-ħolma tagħha għal futur, “Li tinstab kura għal din il-marda tant krudili li tkissrek u titliflek id-dinjità tiegħek.”

Qabel sellimna lil xulxin Fleur qaltli li hi tħossha sodisfatta li lill-oħtha fl-agħar mumenti tagħha rnexxielha ġġibha tħossha qisha superstar fejn mietet imdawra b’nies bħal Claudia Faniello, Chiara li kantatilha id-diska Angel, għax oħti kienet dejjem temmen li la tmut se ssir anġlu u anke Joseph Chetcuti daqqilha l-vjolin bil-mużika ta’ Partirò.”

Jien nawgura lil Fleur li wara dal-maltemp kollu tfeġġ ix-xemx għaliha, fejn toħroġ aktar b’saħħitha mill-operazzjoni li se jkollha l-Ħamis li ġej u kif qalet hi stess li terġa’ tibda tgħix. Awguri gladjatura!

More in Socjali