Rebbieħ fuq ir-ring...ferut fil-ħajja

“Għax Laburist għalquli l-ventilaturi... issa għadni nistenna u bla dinjità”

Vince Bongailas, barra mill-boxing għandu mħabba oħra, il-kant u l-mużika
Vince Bongailas, barra mill-boxing għandu mħabba oħra, il-kant u l-mużika

Vince Bongailas, boxer, champion tal-Middleweight ta’ Malta għal seba snin konsekuttivi u ta’ 26 sena kien rebaħ il-Junior European Title. Jikteb il-mużika u l-kanzunetti u kien ħa sehem anke fil-Eurovision Song Festival fl-1998. Għandu 49 sena, missier Liston, perit ta’ 24 sena u jaħdem bħala gatekeeper mal-KMS b’paga minima ta’ €750 fix-xahar. Ikkumbatta kontra l-ħajja, kontra ġellieda professjonali, qala’ daqqiet fuq kull parti ta’ ġismu iżda l-ebda daqqa ma weġġgħetu daqs kemm qed tweġġgħu n-nuqqas ta’ dinjità fix-xogħol li ngħata jagħmel. 

Vince twieled Bormla, bin Alfred (mejjet) minn Ħaż-Żabbar u Tessie minn Ħal Tarxien li għandha 75 sena. Iżda trabba u għex għal dawn l-aħħar 30 sena l-Kalkara. Anke jekk il-karriera tiegħu tal-boxing ħaditu ħafna drabi lil hinn minn gżiritna fejn għex l-Awstralja, l-Ingilterra, l-Italja u l-Olanda matul dawn is-snin. Kellu tfulija iebsa, nieqes minn kull lussu, kienu jgħixu fuq ix-xifer tal-faqar iżda skont hu, “biċċa ħobż dejjem sibniha. Iz-zija Mary li kienet miżżewġa wieħed Amerikan sta bene ma kellhiex tfal u ħafna drabi kienet tieħu ħsiebi hi u kienet hi li mbuttatni għall-iskola.”

Iltqajt ma’ Vince f’biċċa kamra li fakkritni f’xi film tal-gestapo meta kienu jieħdu lil xi ħadd f’xi kamra fejn fiha jkun hemm siġġu, mejda mimlija taħżiż u blackboard mal-ħajt. Kien l-uffiċċju ta’ Vince Bongailas fl-isports complex tal-Marsa, li meta staqsejtu x’jagħmel qalli “niftaħ il-gradi u nżomm iċ-ċwievet”. U qabel bdejt nintervistah mill-ewwel ħareġ il-weġgħa li kellu f’qalbu, “Champion ta’ Malta tal-boxing għal seba’ snin, Champion Ewropew, żewġ liċenzji professjonali ta’ kowċ u jien mitfugħ hawn qas naf eżatt x’inhu xogħli, mormi.” U din il-persuna li qatt ma beża’ mid-daqqiet fuq ir-ring infaqa’ jibki, “b’salarju li jieħu wieħed li ma jistax jaħdem b’diżabbilità, jiġifieri €750 fix-xahar. Ma nista’ nipponta subgħajja lejn ħadd iżda żgur li xi ħadd jaf bija hawn ġew.”

Għamilli tazza kafè u bdejna l-intervista tagħna u tlabtu jirrakkontali għaliex mar għall-isports tal-boxing. “L-iskola kont maħqur, it-tfal kienu jeħduli l-kolazzjon u jarmuhuli u dan kollu għax kont kwiet. Għalhekk bdejt nirribella u ta’ 11-il sena bdejt niġġieled fuq il-Ħawli għal 3 soldi. Kont indawwar faxxa ma’ jdejja u niġġieled mingħajr ingwanti. Kien rani Kanadiż li beda jibgħatli rivisti fuq il-boxing u l-boxing għalija bidilni. 

Tgħallimt li l-boxing mhux qiegħed hemm biex tiġġieled fit-triq iżda hu sport ta’ dixxiplina u ta’ rispett lill-avversarju. Tgħallimt ukoll li f’din il-logħba aktar taqla’ milli tagħti. U daqqa ta’ boxer professjonali hi diffiċli li tfiq minnha għax il-boxer jaf kif għandu jagħti d-daqqa u jaf ukoll fejn jolqot biex jirbaħ”.

Vince Bongailas, wara seba’ snin champion ta’ Malta fil-middleweight, beda tiela’ t-taraġ tas-suċċess f’dan l-isport. Qaleb bħala professjonali mit-tielet klassi sal-ewwel kategorija fejn beda jiġġieled fl-Ewropa. L-Alpha sponsorjatu fl-Italja flimkien ma’ 11-il boxer ieħor mill-Ewropa u beda jitħallas għal kull logħba u kellu wkoll paga diċenti. Għal seba snin sħaħ għex Flaminia Ruma, post fejn diversi sportivi professjonali jitħarrġu u jiġu ċċekkjati minn tobba differenti mhux bħal Malta li tabib wieħed jiċċekkjalek kullimkien. 

Innutajt li hu ġlieda boxing isejħilha logħba, “Għax dak hu sport u dik hi logħba. Huma n-nies tal-marketing li jonfħuha bħala ġlieda biex ibigħuha.”

Staqsejt lil Vince dwar din il-logħba (kif isejħilha hu) hawn Malta. Vince b’emozzjoni kbira weġibni, “Il-gvernijiet hawn Malta qed iweġġgħu ħafna nies tal-isport. Mhux vera qed jagħtu każ l-isport kif suppost. It-tfal mhux infurmati biżżejjed dwar id-dixxiplini sportivi. U mhux sew li l-gvernijiet jistennew kollox mill-ġenituri. L-isport irid jidħol b’liġi fl-edukazzjoni tagħna għax l-isport ineħħilek 75 fil-mija tal-istress u mard ieħor bħall-obeżità.” 

Vince qalli wkoll li vera li bil-boxing tweġġa’ bħal kull sport ieħor tant li hu fil-fatt jrid jibla’ xi pinnoli kuljum minħabba d-daqqiet li kien ġarrab f’rasu. “Iżda qabel l-ingwanti kienu ta’ tmien uqiji u kienu mimlija bil-ħaxix (bħas-saqqijiet) illum huma ta’ 12-il uqija u mimlija bil-foam li jagħmlu inqas ħsara. Għax meta tiġġieled professjonalment id-daqqiet huma aktar qawwija u tagħti d-daqqa bit-tidwira ħalli tagħmel impatt akbar. Trid tkun b’saħħtek bil-fors għal dan l-isport għax ma tistax tissogra li waqt logħba xi boxer ikun bid-demm u bil-pori miftuħa kollha u bl-għaraq tista’ tieħu xi infezzjoni minn wieħed għall-ieħor. “

Hawnhekk Vince reġa’ beda jitkellem b’emozzjoni, “jien nixtieq ngħallem lit-tfal dak li tgħallimt jien, it-teorija u l-fitness. Iżda tefgħuni hawn u ninsab moħli” filwaqt li beda jimsaħ demgħa oħra li feġġet minn għajnejh. “L-uniku wieħed li kien tani ċans kien Ugo Mifsud Bonnici sa ma ħelsu minnu u tefgħuh President.”

Qalli li dan l-aħħar fl-Ingilterra kellu gym u kien sejjer tajjeb għalhekk staqsejtu għaliex irritorna Malta u għaliex ma jmurx lura, “Il-Labour talbuni biex ngħinhom u talbuni biex noħroġ bħala kunsillier fil-Kalkara, tlajt u ngħatajt id-dekasteru tal-annimali u sport. Irnexxieli niġbor madwar 85 tifel u tifla mill-Kalkara, li tajthom skop ġdid fil-ħajja u permezz ta’ voluntiera oħra qed ngħallmuhom, tennis, hockey, boxing, kick boxing, u sport ieħor (barra futbol), mużika u anke arti. Tant sirt inħobbhom u nħoss li qed nagħmlu ġid magħhom li ma rridx nitlaq lura. Għax irrid nagħti lil dawn it-tfal dak li ma kellix jien u mingħajr ebda ħlas ta’ xejn. 

“Meta ġejt Malta wegħduni li jagħtuni d-dinjità tiegħi iżda qed inħoss li miniex rikonoxxut. Mhux hekk talli fil-mużew tal-Imdina hemm l-istorja tiegħi dwar x’għamilt għal pajjiżi u tant apprezzawni li mhux qas biss tawni biċċa midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika, iżda lanqas dinjità ma ħallewli. Ma rrid l-ebda pjaċir, irrid dak li ħaqqni u dak li wegħduni, iżda jidher li l-politiċi f’Malta ħakmu l-pajjiż u kulħadd sar jibża’ jitkellem. Jekk ma jkollokx xi ħadd jiġi minnek fil-partit qisek m’inti ħadd.” U hawn urieni t-tessera tiegħu tal-Partit Laburista filwaqt li beda jgħidli “xi swietli? Xejn”. 

“Tkellimt anke mal-Prim Ministru Muscat u dan qabbadni ma’ xi ħadd fl-OPM iżda bqajt hawnhekk, mormi. Jekk irrid niftaħ gym u naqla’ ħafna iżjed flus, iżda ma rridx nitlaq lil dawk it-tfal u lil Kalkara. Qalbi marbuta magħhom.”

Vince kien waqaf wara 18-il sena jibboxja għax ħass li laħaq kulma ried jilħaq. Qalli wkoll li llum ma baqax boxing f’Malta għax dak li naraw mhux ta’ vera, għax l-ebda boxing bout fid-dinja ma ddum żewġ minuti, kull bout trid tkun ta’ tliet minuti u minuta mistrieħ. Ix-shows tal-boxing li qed jiġu Malta mhux ta’ vera u mhux rikonoxxuti fid-dinja tal-boxing. “Qas biss jafu t-teorija tal-logħba u lanqas kif jiġġieldu ma jafu u dan nista’ ngħidu għax rajthom. Lest niltaqa’ ma’ kulħadd u kulfejn iridu min irid imerini fuq dan li qed ngħid” kompla Vince.

Barra mill-boxing Vince għandu mħabba oħra, il-kant u l-mużika. “Kont abbati u Fr Redent (illum mejjet) għallimni l-kitarra u kont indoqq fil-knisja u f’xi party tat-tfal. Attendejt l-iskola Johann Strauss tal-mużika u wasalt sa grade 7. Kelli missieri alkoħoliku u għalhekk kont nidħol waħdi fil-kamra u nikteb il-kanzunetti u npoġġihom f’bagalja tal-injam. Meta kont insiefer għal boxing ma kontx noħroġ ma’ sħabi fin-night clubs għax jien ma nixrobx, kont noqgħod fil-kamra nikteb il-kanzunetti u ndoqq f’xi pub.

“L-isport ineħħilek 75 fil-mija tal-istress u mard ieħor bħall-obeżità”

Ktibt diska għal Eurovision u għaddiet sal-finali, kienet ballad soft rock ‘Unexplained’ u meta staqsewni għaliex semmejt din il-kanzunetta hekk, weġibthom li m’għandix spjegazzjoni, bħall-istess isem tad-diska.”

“Il-mużika tagħtini t-trankwillità, il-boxing tani s-suċċess”. Fil-fatt qalli wkoll li meta rebaħ il-Junior European Championship kien ingħata rigal ta’ Lm65,000 li minnhom l-kowċ tiegħu jieħu 12 fil-mija.

Ma kienx jonqos li ma nistaqsihx ftit dwar il-ħajja personali tiegħu bħala missier. “Iżżewwiġt u sseparajt wara tliet xhur għax jien ridt mmur l-Awstralja naħdem ma’ Jeff Fenech bħala boxer u hi ma riditx tiġi meta kienet taf li l-karriera tal-boxing kienet l-aktar importanti għalija. Meta tlaqt kienet tqila bit-tifel. Iżda ġejt narah jitwieled u kont jien li għażiltlu l-isem ta’ Liston (għal boxer champion tad-dinja Sonny Liston). Jien u ommu qatt ma kellna problemi bejnietna, qbadna toroq differenti iżda bqajna ħbieb tant li konna niltaqgħu taħt l-istess saqaf nitkellmu dwar il-futur tat-tifel u mat-tifel. Rabbejnih flimkien b’imħabba tat-tnejn. Meta wieħed jispiċċa relazzjoni jrid jaċċetta li n-naħa l-oħra għandha dritt għal relazzjoni oħra u kuntentizza oħra.” Staqsejtu jekk jinsabx f’xi relazzjoni, Vince qalli li hu jsejħilha ħbiberija speċjali.

Sadanittant Liston iggradwa perit u jiżfen anke l-hiphop li skont Vince dan iż-żfin ħareġ miż-żifna ta’ Muhammed Ali waqt il-ġlied tiegħu fuq ir-ring. Vince b’ferħ kbir f’għajnejh qal li meta ra lill-ibnu jiggradwa kulma ġie quddiem għajnejh kien ibnu tarbija meta kien ibiddillu l-ħarqa.

Vince għalkemm iġġieled mal-ħajja kellu s-suċċessi tiegħu iżda fl-istess ħin għadu jikkumbatti mal-ħajja biex jirbaħ id-dinjità li jistħoqqlu u spiċċajna din l-intervista b’din is-sentenza li tfisser ħafna. “L-amministrazzjoni ta’ qabel għalquli anke l-ventilaturi għax kont Laburist. Dawn s’issa ħallewni nistenna, nispera biss li l-ventilatur mhux magħluq anke hawn.”

Messaġġ qawwi minn gladjatur tal-ħajja li għandu jasal fejn għandu jasal.

More in Socjali