Huma ħafna li jiddispjaċihom li jkunu penġew
Xi ġenituri jneħħu t-tpinġija li jkunu għamlu biex ma jinfluwenzawx lil uliedhom
minn Jean Pierre Cassar
Fenomenu li donnu qed jiżdied iktar ma jmur iż-żmien huma t-tpinġija fuq in-nies. Fuq ix-xtajta dan is-sajf stajt nilmaħ għexieren ta’ persuni li għandhom xi biċċa tpinġija fuq ġisimhom. In-nisa ma saqajhom jew ma daharhom u l-irġiel ma jdejhom jew forsi mal-pexxun. Mhux xena rari li tara rġiel u anke nisa bi driegħ sħiħa mimlija tpinġija, li tissejjaħ komma.
“Ġenituri jneħħu t-tpinġija biex ma jinfluwenzawx lil uliedhom”
Illum il-ġurnata t-tpinġija ħadet spinta qawwija, l-istudjos tat-tpinġija qed jinbtu ma’ kullimkien f’pajjiżna u ħadd ma sar jiddejjaq jikxef dik li tissejjaħ, “arti fuq il-ġisem.”
Ħafna jgħidu li ma jgħamluhiex għas-sempliċi raġuni li jibżgħu li jkollhom xi ħaġa permanenti fuq ġisimhom. Iżda forsi ftit jafu li llum it-tpinġija tista’ titneħħa permezz ta’ laser jekk xi darba ddejqek. Il-ġurnal ILLUM tkellem ma’ Dr. Tyrone Pillow, Aesthetic Physician, rigward kemm il-persuna jiddispjaċiha b’li tkun għamlet u tmur biex tneħħi t-tpinġija tagħha.
Pillow qal li kull sena jkun hemm madwar 150 u 200 persuna li jiġu biex ineħħu t-tpinġija. Fost ir-raġunijiet li għalihom titneħħa tpinġija hemm dawk li jkunu jridu jħassru isem ta’ xi maħbub jew maħbuba tal-passat, minħabba raġunijiet ta’ xogħol u oħrajn li ma tibqax togħġobhom u b’hekk ikunu jridu jneħħuha biex jagħmlu xi ħaġa oħra flokha.
It-tpinġija timxi wkoll bil-moda. Għamlu żmien kienu moda l-gremxul, imbagħad xi ajkla, mbagħad kienu moda wkoll disinni tribali u issa daħlu in voga t-tpinġija stil ta’ baħri u l-kitba forma ta’ nofs tond fuq is-sider. It-tpinġija stil ‘sailor’ hija biċċiet żgħar tat-tpinġija bi ftit spazju bejniethom u li jkollhom anke l-kulur. B’hekk minħabba li l-moda tat-tpinġija tinbidel maż-żmien ikun hemm uħud li jkunu jridu jneħħu l-biċċa li għamlu għax ma tibqax moda.
L-iktar etajiet komuni fejn wieħed imur biex ineħħi tpinġija jibdew mill-età tenera ta’ 22 sena sa 45 sena. X’tagħmel jekk malli titlesta t-tpinġija ma togħġbokx u tkun trid tneħħiha immedjatament? “Trid mill-inqas tistenna tliet xhur sabiex tkun tista’ tneħħiha! Imma rari jkun il-każ” afferma Dr. Pillow. Pillow żied ukoll li jekk wieħed ikun irid jirranġa żball ċkejken il-laser tant hu preċiż u rqiq li dan jista’ jsir faċilment.
Fatt kurjuż hu li ma tantx ikun hemm anzjani li jikkuppaw biex ineħħu t-tpinġija tagħhom għax jaħsbu li xjaħu wisq għaliha. Iżda bil-wisq ikun hemm każi ta’ ġenituri li jmorru jneħħu t-tpinġija tagħhom sabiex ma jinfluwenzawx lil uliedhom.
Iżda x’inhi eżattament il-proċedura? L-enerġija tal-laser tiġi ddeterminata fuq il-kulur tat-tpinġija. Waqt il-proċedura dan il-laser ikisser il-linka tat-tpinġija f’biċċiet żgħar ħafna li mbagħad il-ġisem ikun jista’ jassorbi l-linka u jelimina l-kulur. Rigward il-prezz Pillow qal li dan jiġi ddeterminat minn kemm hi kbira t-tpinġija.
“Ġenituri jneħħu t-tpinġija biex ma jinfluwenzawx lil uliedhom”
Il-proċess tat-tneħħija jista’ jirrikjedi li jkun hemm bejn ħames u għaxar trattamenti li jieħdu biss ftit minuti. Il-laser idur mat-tpenġija nfisha u allura t-trattament idum skont kemm hi kbira t-tpinġija. Bejn trattament u ieħor il-klijent irid jistenna xahrejn. “Naturalment” iżid Pillow, “dan it-trattament ma jsirx matul ix-xhur tas-sajf u matul il-proċess kollu l-ġilda ma tistax tkun esposta għax-xemx.”
Il-ġilda tieħu bejn għaxar u erbatax il-ġurnata biex tfieq kompletament mingħajr ma titħalla l-ebda marka tal-laser fuq il-ġilda. “Importanti ħafna li l-klijent iżomm il-ġilda nadifa, jevita xemx diretta għal xahar wara t-trattament u ma jqaxxarx il-ġilda waqt il-proċess tal-fejqan.”
Jekk il-klijent ma jiħux il-prekawzjonijiet kif jingħata mit-tabib u jitraskura l-ġilda tiegħu li tkun fraġli fi żmien it-trattament jista’ jidħol għal xi riskji. Fosthom ikun hemm ir-riskju ta’ infezzjonijiet, tbajja u f’ċirkustanzi rari, il-ġilda tista’ tibqa’ mmarkata.
U kulħadd jaf li biex tagħmel tpinġija tweġġa’ xi ftit, biex tneħħiha tweġġa’ iktar? Il-proċess biex titneħħa tpinġija jirrikjedi li l-klijent ikun ftit skomdu iżda t-trattament isir malajr. Pillow jispjega li kif għal tpinġija mdaqqsa, jew ta’ daqs normali, il-laser idum bejn wieħed u ieħor żewġ minuti. Qabel jintuża l-laser jiġi applikat il-loppju forma ta’ dlik biex b’hekk jitnaqqas kemm jista’ jkun l-uġiegħ.