L-ilbies jagħmlek nies?

Il-ġurnal ILLUM qatta’ ftit ħin mal-blogger Christa Boffa fejn tkellmet u battlet l-istonku fuq dak li kellha xi tgħid dwar il-ħwejjeġ li jintlibsu f’Malta. Dwar l-istili ta’ xi wħud, u n-nuqqas ta’ stil f’ħaddieħor. 

F’sens ta’ ħwejjeġ lil Maltin tista’ taqsamhom fi tnejn - dawk li l-ħwejjeġ jilbsuhom, u dawk li le.

Jekk nibdew minn dawn tal-aħħar ninnutaw li ssibhom jilbsu l-inqas ammont ta’ ħwejjeġ possibbli kemm fis-sajf, kif ukoll fix-xitwa. Dawn l-ispeċi l-aktar li joħorġu filgħaxija viċin ta’ Paceville - imma mal-ġurnata ma jaqtgħux qalbhom anqas. Tarahom telgħin wara xulxin fuq tal-linja jitkerrhu lil kull min ifettillu bi żball iħares lejhom. Filgħaxija normalment it-tfajliet tarahom mexjin, jew tal-anqas jipprovaw jimxu b’takkuna li tħares lejha wkoll biżżejjed biex tiftakar għaliex tibża’ mill-għoli. Il-ftit ħwejjeġ li jkunu lebsin normalment ikunu milbusin b’mod ħażin - ngħidu aħna, flokk li bi żball sar libsa, ċintorin li bi żball sar dublett, ħwejjeġ ta’ taħt li bi żball intlibsu b’xejn fuqhom, u l-bqija.

Imbagħad hemm il-kategorija ta’ nies li l-ħwejjeġ jilbsuhom. Nibdew b’dawk li l-ħwejjeġ jużawhom, bir-raġun, għall-użu propju tagħhom - bla ma wisq jagħtu kas li l-oranġjo u l-vjola verament ma jmorrux ma’ xulxin.

Imbagħad jeżistu dawk li b’xorti tajba qed jiżdiedu hawn Malta - dawk li “jafu jilbsu”. Dawk li qabel joħorġu jagħmlu forsi sforz doppju biex jidhru aħjar. Forsi ż-żieda ta’ dawn narawha biż-żieda fil-popolarità ta’ siti bħal Tumblr u Pinterest - li joffru inspirazzjoni għall-ħwejjeġ li qabel kien ikollok tonfoq ġidek kollu f’rivisti tal-moda biex tara bħalhom. 

Imbagħad hemm selezzjoni ta’ wħud li jisħqu li n-nies għandhom jilbsu dak li jħossuhom komdi fih. Li jinsew jgħidulek huwa li hekk kif jarawk liebes dak li tħossok komdu fih, erħilhom jiżżuffjettaw bik u jgħidulek li xi ħadd b’dak il-piż mhux suppost jilbes hekk, jew inkella li dawk il-ħwejjeġ ma jixirqux xi ħadd ta’ dik l-età. L-agħar ħaġa hi li mbagħad, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt jekk xi ħadd jazzarda jikkritika dak li jkunu libsin huma - għax huma suppost dawk li jifhmu dwar x’iġifieri li “jkollok stil” u le. 

Fuq kollox l-istil x’inhu? L-istil huwa espressjoni ta’ dak li int permezz tal-ħwejjeġ li tagħżel li tilbes. Bl-istess mod li wieħed jista’ jgħid ħafna dwar persuna oħra mill-mod ta’ kif jitkellem, ta’ kif jikteb u ta’ kif ngħidu aħna, jimxi - wieħed jista’ jgħid ħafna dwaru nnifsu bil-mod ta’ kif jilbes. Bl-istess mod li hemm min jagħżel li ma tantx jagħti kas li l-kitba tiegħu hi xi ftit imħanżra - bl-istess mod hemm min ftit jimpurtah li mhux liebes ħwejjeġ adattati. Iżda bħal ma nieħdu bi ftit serjetà min jgħidilna li niktbu qisna tiġieġ, jew min jgħidilna li nimxu qisna papri, mela bl-istess mod naħseb li għandna nieħdu min jikkritika dak li aħna lebsin. 

More in Socjali