LifeCycle fil-Ġappun titlaq illum

Illum iċ-ċiklisti tal-LifeCycle Challenge se jerħulha għall-Ġappun, waslet edizzjoni oħra!

Uħud mill-parteċipanti waqt it-taħriġ tagħhom
Uħud mill-parteċipanti waqt it-taħriġ tagħhom
Ir-rotta tal-Life Cycle Challenge fil-Ġappun
Ir-rotta tal-Life Cycle Challenge fil-Ġappun

Sa mill-1999, minn meta bdiet l-isfida tal-LifeCycle, is-Sezzjoni Renali rċeviet miljuni ta’ ewro f’tagħmir u servizzi li jinkludu magni tal-kliewi, arja kkundizzjonata għas-swali, televixins LCD għall-użu tal-pazjenti u servizzi ta’ dietisti fost l-oħrajn. 

Ta’ kull sena, qabel jibdew it-tħejjijiet tal-isfida, il-Fondazzjoni LifeCycle tikkuntattja r-Renal Unit u tiddiskuti magħha l-ħtiġijiet tagħha biex b’hekk il-fondazzjoni tiffissa l-għan tal-isfida għal dik is-sena. 

Il-fondazzjoni din is-sena qed tagħti wkoll €70,000 lil Research Trust imwaqqfa mill-Università ta’ Malta biex tniedi programm ta’ riċerka dwar insuffiċjenza renali. In-numru ta’ konsulenti mediċi fuq dan il-qasam hu ferm limitat s’issa.

Din is-sena l-isfida tal-LifeCycle se ssir fil-Ġappun. Imma għaliex? ILLUM tkellmet ma’ Vanessa McDonald il-persuna responsabbli mill-istampa rigward din l-isfida. 

“Aħna nippruvaw immorru postijiet differenti kemm jista’ jkun. Fl-Ewropa ma tantx hemm postijiet fejn tista’ tkopri 2,000 kilometru. Sentejn ilu, morna l-Awstralja, din kienet l-ewwel darba li morna f’pajjiż li mhux Ewropew. Il-Ġappun intgħażel flimkien mal-isponsor uffiċjali Actavis, minħabba li huma attivi ħafna hemmhekk u b’hekk setgħu jgħinuna ħafna fil-loġistika.” Vanessa qalet li d-distanza tkun dejjem 2,000 kilometru u jiddependi wkoll mill-post u jekk isibux postijiet fejn tiġi provduta akkomodazzjoni b’xejn, bħal fi skejjel jew f’xi ġimm. Mal-art!

Pajjiż interessanti ferm, pajjiż li forsi mhux ħafna Maltin żaruh. Dan ifisser li ċ-ċiklisti se jkollhom ftit ċans jaraw il-post?

“Le, minkejja li l-parteċipanti jridu jħallsu għall-ivjaġġar jispiċċaw ma jaraw xejn mill-post, ħlief iż-żona li jkunu qed jagħmlu l-isfida fiha. Iżda bħala pajjiż kien wieħed li malajr ġibed l-attenzjoni u ħoloq reazzjoni fost il-pubbliku.”

McDonald qalet li n-numru ta’ parteċipanti jvarja kull sena. Saħqet li jkun hemm ħafna min jitħajjar u jkun irid jieħu sehem iżda l-iskeda tat-taħriġ hija waħda ferm iebsa u mhux kulħadd ikun jista’ u jkollu l-mezzi biex iwettaq din il-ħolma.

Oriġinarjament kien se jkun hemm 32 parteċipant, iżda issa niżlu għal 22 minħabba li għaxar parteċipanti kellhom jirtiraw mill-isfida hekk kif ma setgħux ilaħħqu mat-taħriġ minħabba impenji familjari u ta’ xogħol. 

“L-iżgħar ċiklista għandu 24 u l-ikbar qabeż is-60!”

L-iżgħar ċiklista għandu 24 waqt li l-ikbar wieħed qabeż is-60. Fost it-22 hemm erba’ nisa li qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni. 

Kull parteċipant irid jiġbor €2,500 sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’din l-isfida. B’hekk il-minimu ta’ flus ikun garantit li se jinġabar. Il-fondi li jagħti l-pubbliku permezz tat-telefon u l-messaġġi jkomplu jikkontribwixxu għat-total finali. 

“L-għan tagħna hu li nilħqu iktar minn €100,000 kull sena. Din is-sena se nixtru magna li tista’ tintuża l-ħin kollu mill-pazjenti tal-ITU f’Mater Dei u anke tagħmir għar-Renal Unit” qalet Vanessa McDonald. 

F’każ ta’ emerġenza hemm tim ta’ għaxar persuni li xogħolhom hu li jaraw li kollox sejjer tajjeb fejn tidħol is-saħħa taċ-ċiklisti. Vanessa spjegat kif is-sewwieqa Ġappuniżi huma ferm iddixxiplinati u ċ-ċiklisti huma preparati sew. 

“Imma xorta waħda kollox jista’ jinqala. Għandna persuni li jafu jitkellmu bil-Ġappuniż u dan se jkun kruċjali sabiex aħna nkunu nistgħu nitkellmu mal-awtoritajiet, kemm jekk pulizija u anke rigward is-saħħa” saħqet McDonald. 

Fost iċ-ċiklisti hemm ukoll tobba li se jkunu jistgħu jgħinu fil-fiżjoterapija. 

Punt interessanti huwa li fl-edizzjoni ta’ din is-sena l-parteċipanti mhux se jkunu jistgħu jaqdfu ħdejn xulxin u ma jistgħux jisimgħu mużika matul l-isfida.

Vanessa qalet li dan kollu ġej minħabba liġijiet Ġappuniżi. “Is-soltu nagħmlu wkoll sinjali bid-direzzjonijiet ta’ kull jum biex jgħinu liċ-ċiklisti. Iżda din id-darba l-awtoritajiet ma ħallewniex nagħmlu dan. Anke  wara li żgurajnihom li nneħħu kull sinjal li nwaħħlu!”

“Waħda mill-eħrex sfidi fid-dinja”

“Se tkun diffiċli ħafna għaċ-ċiklisti” kompliet Vanessa “hekk kif dawn ikunu jeħtieġu xi tip ta’ distrazzjoni li taljenahom waqt li jkunu qed jaqdfu u li se jkunu bla mużika se tkompli twebbes din l-isfida.”

Il-poster uffiċjali tal-isfida
Il-poster uffiċjali tal-isfida

L-itwal ġurnata se tkun ta’ 273 kilometru, ir-rekord ta’ LifeCycle, madwar 14-il siegħa fuq ir-rota. “Immaġina tagħmel dan tħares lejn dahar iċ-ċiklist ta’ quddiemek biss.”

L-isfida tal-LifeCycle qed tiġi sponsorjata mill-kumpanija tal-farmaċewtika Actavis. Din l-isfida hija klassifikata bħala waħda mill-itqal sfidi fid-dinja. Ir-rotta hija waħda ħarxa fejn iċ-ċiklisti jaqdfu medja ta’ 200 kilometru kuljum fuq artijiet li joffru ostaklu kbir għaċ-ċiklisti.

“Se tkun diffiċli ħafna għaċ-ċiklisti”

Kull parteċipant irid jiġbor ammont ta’ flus qabel ma jitħalla jipparteċipa. Dawn il-flus jiġbruhom permezz ta’ attivitajiet u billi jsibu sponsors għalihom ukoll. Jiġifieri dawn iċ-ċiklisti, minbarra l-ħajja personali tagħhom, ix-xogħol u t-taħriġ għall-isfida, jkollhom jiddedikaw ħin li fih jiġbru finanzi għal din il-kawża ġusta. 

Qabel ma waslet din il-ġurnata mistennija, iċ-ċiklisti kienu qed jagħmlu taħriġ ta’ tmien sigħat kuljum bi tħejjija għal 200 kilometru li se jaqdfu ta’ kuljum fil-Ġappun.

Uħud mill-parteċipanti jiltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat
Uħud mill-parteċipanti jiltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat

L-Università ta’ Malta bdiet programm ta’ riċerka mifrux fuq sentejn mis-€70,000 mogħtija mill-fondazzjoni tal-LifeCycle. Din ir-riċerka se tiffoka fuq il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-mard tal-kliewi sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja. 

Ir-riċerka se ssir f’kollaborazzjoni mal-isptar Mater Dei u se tinkludi erba’ riċerkaturi. 

Fil-poster li hawn f’dan il-feature wieħed jista’ jsib in-numri fejn għandu jċempel jew jibgħat id-donazzjoni tiegħu.

Il-frott tal-LifeCycle Challenge mill-1999 ’l hawn

1999/2000

4 magni tal-kliewi (Lm10,000 kull magna)

3 magni Automated Peritoneal Dialysis (APD) (Lm5,000 kull magna)

2000/2001

Sistema ta’ arja kkundizzjonata għar-Renal Unit (Lm8,000)

Donazzjoni ta’ flus fuq xiri ta’ Haemodialysis Reverse Osmosis Plant

2002/2003

6 magni tal-kliewi (Lm10,000 kull waħda)

3 APD Machines (Lm5,000 kull waħda)

2003/2004

1 magna tal-kliewi (Lm10,000)

1 Dialysis Couch

Irranġar u tkabbir tar-Renal Unit (Lm15,000)

9 APD Machines (Lm5,000 kull waħda)

2004/2005

14 APD Machines (Lm5,000 kull waħda)

Magna tal-kliewi (Lm10,000)

Aloka Ultrasound Machine

Portable Site Rite Vascular Ultrasound Machine

2005/2006

4 magni tal-kliewi (Lm10,000 kull waħda)

1 Cycling exercise machine 

2 Couches

1 Hoist

2006/2007

4 magni tal-kliewi

1 Patient Hoist b’miżien bil-monitor

2 couches bil-miżien

1 cycling machine

2007/2008

5 home choice machines

Wheelchair scale

Dialysis cycling machine

2 crit-line monitors

Multi-parameter water analysis photometer

Non-invasive haemoglobin reader

2008/2009

7 LCD għar-Renal Unit

Pellegrinaġġ għal Lourdes għal pazjenti tar-Renal Unit

Ħruġ għal pazjenti tal-unit

2009/2010

5 home choice machines

Pellegrinaġġ għal Lourdes għal pazjenti tar-Renal Unit

Appoġġ għat-Transplant Support Group

Ħruġ għal pazjenti tar-Renal Unit

2010/2011

Pellegrinaġġ għal Lourdes għal pazjenti tar-Renal Unit

Roti ta’ ġewwi għal-LifeCycle club

Inħatar dietista konsulent biex jikkonsulenta l-pazjenti

Ħruġ għal pazjenti

Tħejjija għal fond ta’ riċerka

Magna tad-dialysis li taħdem 24 siegħa kuljum għal pazjenti 

2011/2012

Għajnuna lid-dietista bħala konsulent għal pazjenti tar-Renal Unit. 

More in Socjali