Fi 3 snin tilef lil martu u siequ

Wara nuqqas ta’ diversi ġimgħat din is-serje se tkompli bi gladjatur li ltqajt miegħu f’safra ta’ madwar 15-il ġurnata. F’dis-safra mxejna tliet kilometri taħt l-art, inżilna 800 tarġa f’minjiera tal-melħ u ma nafx kemm il-kilometru għamilna telgħin u neżlin fil-metro ta’ Berlin. Dan hu normali għal min isiefer, iżda meta l-persuna li qed nirreferi għaliha jien tkun b’sieq waħda tagħmel differenza hux hekk?

Leli jistrieħ f’Zakopane fil-Polonja
Leli jistrieħ f’Zakopane fil-Polonja

Leli Borg għandu 48 sena minn Ħal Qormi li joqgħod San Pawl il-Baħar, armel, missier u nannu li iżda qatt ma ħalla d-diżgrazzji li tfaċċjaw f’ħajtu jaqtgħulu qalbu mill-ħajja. 

Mort niltaqa’ ma’ Leli fl-appartmanet tiegħu ħdejn it-torri ta’ San Pawl il-Baħar. Appartament kif jgħidu l-Ingliżi, ‘spic and span’ attrezzat b’għamara mill-aktar moderna u dwal ikkuluriti mas-suffett, appartament imdawwal li jġiegħlek tħossok ferm komdu meta tidħol fih. Leli li jgħix waħdu kien għadu ma libisx is-sieq artifiċjali u ġie jilqagħni fuq il-wheelchair bi flixkun birra f’idejh u bdejna niddiskutu s-safra li konna għadna kif morna flimkien. 

Beda jirrakkontali ħajtu fejn qalli li hu dejjem ħadem fil-fran fejn beda jaħdem mal-Maypole iżda 29 sena ilu jiġifieri ta’ 19-il sena rama għal rasu b’forn żgħir il-mandraġġ il-Belt. Minn dan il-forn żgħir irnexxielu jagħmlu l-għajn li minnu kielet il-familja kollha tiegħu, martu u ż-żewġ uliedu Joseph u Marija.

Ħdax-il sena ilu waqt li martu Marianne kienet qed taħsel il-ħanut ħasset boċċa f’sidirha u ddeċidew li jmorru jaraw tabib li min-naħa tiegħu bagħatha għand speċjalista li mill-ewwel operaha u neħħielha l-boċċa. Iżda meta saru t-testijiet qalulha li riedu jaqtgħulha sidirha, “Kif qalulha hekk” qalli Leli, “Marianne nħasdet u tgħidx kemm bkiet. Biex tgħaxxaqha fl-istess ġimgħa li qatgħulha sidirha, miet b’diżgrazzja t-tifel ta’ ħuha li waqa’ minn fuq bejt waqt li kien qed jaħdem fil-kostruzzjoni. Kellu 23 sena u ma kellix kuraġġ ngħidilha u tlabt lil professur itarrfilha t-tieni traġedja f’ġimgħa wara li hi kienet għadha kif tilfet sidirha.”

Leli qalli li hu ħalef li jagħmel minn kollox biex ifejjaq lill-mimmi t’għajnejh, “kull meta konna mmorru għand il-professur kien jgħidilna li sejra tajjeb, iżda darba minnhom qalilna li l-kanċer ħareġ fil-fwied. Bdejt nonfoq kulma kelli f’injezzjonijiet u pilloli. Infaqtilha madwar €11,000 injezzjonijiet u kull bott pilloli kien jiswa €250. Barra li ħadtha tliet darbiet l-Ingilterra fejn dejjem qalulha li se tfieq.

“Iżda wara sitt snin tiġġieled kontra l-kanċer, tilfet il-gwerra. Ġurnata fost l-oħrajn daħlet l-isptar u f’ġimgħa telqet. Kien għad kellha 36 sena u jien kelli 37 sena biss.” Fl-istess waqt qalli li hu kien xtara l-post ta’ San Pawl il-Baħar għaliha u qalli li laħqet gawdietu erba’ snin. Meta mietet ħallietu b’żewġt itfal, it-tifel kellu 12-il sena u t-tifla 7 snin. “It-tifel kien ħadha bi kbira wisq u jien kien iddispjaċieni li ma lħaqtiex qabel mietet għax kont il-forn naħdem. Kien żmien ferm diffiċli, kont inżomm id-dwejjaq kollu ġo fija. Mort ngħix għand ommha għax ma flaħtx li nidħol id-dar u ma nsib lil ħadd jilqagħni. Il-kunjata kienet ukoll qed teħodli ħsieb it-tfal biex jien inkompli naħdem. Għamilt sena sħiħa mix-xogħol għad-dar u ma noħroġx, sa ma ħabib tiegħi ġenninni biex noħroġ ftit miegħu.”

Staqsejt lil Leli jekk qattx tħajjar jerġa’ jiżżewweġ billi kien għadu żgħir. “Iż-żwieġ għalija darba kien. Kont wegħedtha fuq is-sodda tal-mewt tagħha li ma niżżewweġ qatt iżjed u din il-ħalfa se nżommha sal-mewt.”

Iżda din ma kinitx l-uniku traġedja għal Leli. “Wara tliet snin bdiet tuġagħni saqajja. It-tabib tiegħi tani envelope u qalli biex immur bih l-isptar. Qbadt il-karrozza, għaddejt għal oħti u soqt għall-isptar. Kif wasalt saqajja bbieset u kellhom idaħħluni bl-istretcher u operawni dak il-ħin għax ħasbu li kelli għoqda tad-demm. Tliet ijiem wara qaluli li waqqfitli ċ-ċirkolazzjoni u l-arterji kienu nixfuli u qaluli li kienu se jaqtgħuhieli.”

Leli beda jirrakkonta din l-istorja qisu mhux hu u staqsejtu kif ħadha dak il-ħin. “Ifhimni ma ħadtx pjaċir iżda tant kont muġugħ li bdejt ngħidilhom neħħuha. Kelli biss 40 sena u dħalt għall-operazzjoni b’kuraġġ kbir. Li hu żgur kien li dħalt l-isptar b’żewġ saqajn u ħriġt b’waħda.”

“Saqajja damet 15-il ġurnata biex tagħlaq u bdejt nuża għall-ewwel darba l-wheelchair u ħassejtni stramb u kont nibża’ bih. Wara tliet ġimgħat għamluli sieq artifiċjali u għall-ewwel ukoll kont nibża’ nużaha. Iżda ma domtx ma drajtha. Mhux talli hekk talli ddeċidejt li anke mmur ngħin lill-uliedi fil-forn anke jekk għall-bidu kont nistħi xi ftit bis-sieq artifiċjali.”

Iżda llum Leli jagħmel kollox biha u qisu m’għandu xejn. U dan nista’ nixhed għalih jien għax kapaċi jimxi biha għal ħin twil u għalkemm iġorr wheelchair miegħu jużah biss għal kamra u biex jidħol jinħasel.

“Kont wegħedtha fuq is-sodda tal-mewt tagħha li ma niżżewweġ qatt iżjed”

Iżda sieq inqas bidlet l-ħajja ta’ Leli? “Jien bniedem li ma naqta’ qalbi b’xejn. Noħroġ mal-ħbieb u ninħasel waħdi għalkemm fix-shower ikolli bżonn banketta għax fuq sieq waħda ma nkunx nista’ nżomm.”

Leli b’dik il-ħarsa mimlija kuraġġ kompla jgħidli li mar l-Awstralja, l-Ingilterra u issa anke l-Polonja u l-Ġermanja b’sieq artifiċjali. “Min kellu jgħidli li se nimxi tliet kilometri taħt l-art u ninżel 800 tarġa kif għamilt fil-minjieri tal-melħ il-Polonja. Għalija kienet sfida kbira u għamiltha. Għalkemm nammetti li l-arja barra minn Malta hi differenti u nħossni aktar b’saħħti. Pereżempju Malta meta norqod jorqduli jdejja, kemm domt imsiefer qas darba ma raqduli. Meta nsiefer nimxi ħafna u qas każ.”

Iżda kif irnexxielu jikseb dan il-kuraġġ kollu? “Ħadt l-affarijiet kif kellhom jiġu. Fl-ebda ħin ma ħadtha kontra Alla għalkemm kultant nirrabja għal dak li ġrali, iżda dejjem nipprova nkun pożittiv. Irrid nieħu l-ħajja kif tiġi.”

Staqsejt lil Leli jekk qattx staqsa x’kienet ir-raġuni tal-problema f’saqajh. “Kont inpejjep wisq. Kont inpejjep 50 sigarett kuljum u ġieli pejjipt anke aktar. Is-sigaretti ħaduli saqajja. Iżda rrid nammetti li meta mietet il-mara kont infexxejt fihom.”

Innutajt wkoll li Leli jsuq, “Jien insuq b’idejja. Domt tlett ijiem biex drajt insuq b’idejja. Ibni kien itellagħni Ta’ Qali sa ma drajt.”

Qabel ħallejt lil Leli jinħasel u jlesti biex joħroġ qalli, ILLUM hawn il-mezzi kollha għal kulħadd biex jista’ jkun komdu. Jaqta’ qalbu dak li jrid jaqta’ qalbu. Jien anke biex nagħmel it-testijiet tad-demm waħdi mmur.”

Kliem ta’ bniedem mhux biss gladjatur iżda rebbieħ fuq kull traġedja. Kien ferut għal darba darbtejn iżda qatt ma kien mirbuħ. Nies bħal Leli ta’ min jammirahom u jużahom bħala eżempju għal min ikun għaddej minn xi mrar li taf toffri l-ħajja mal-milja taż-żmien.

More in Socjali