Dimech poeta: mill-ħabs għall-eżilju
Għadna kif fakkarna l-100 sena mill-eżilju ta’ Manwel Dimech li miet fl-1921 f’Lixandra l-Eġittu.
More in Socjali
Għadna kif fakkarna l-100 sena mill-eżilju ta’ Manwel Dimech li miet fl-1921 f’Lixandra l-Eġittu.
Jessica Micallef, tfajla ta’ 22 sena li ġabret il-poeżiji ta’ Manwel Dimech ispirat ruħha li tippubblika dan il-ktieb waqt li kienet qed taħdem fuq it-teżi tal-Baċċellerat tagħha wara li qrat il-ktieb Ivan u Praskovja u kitbiet oħra. Jessica intebhet li Manwel Dimech mhux sempliċiment bniedem politiku fiċ-ċentru tal-kontroversja kif hu magħruf ma’ ħafna u b’hekk ħadmet qatigħ sabiex illum għandna l-ewwel ġabra ta’ poeżiji ta’ persuna Maltija li ġiet eżiljata fil-passat.
Micallef irnexxielha tiġbor ’il fuq minn 100 poeżija minn għadd ta’ sorsi u manuskritti differenti u żammet dejjem mal-verżjoni oriġinali ta’ Dimech.
“Dimech għallimni biex qatt ma ninsa minn fejn ġejt. Kemm ħadmu għal pajjiżna missirijietna u għal-lingwa tagħna. Naħseb li minkejja li għaddew 100 sena mill-eżilju tiegħu u mill-ġlieda tiegħu biex ikollna soċjetà ġusta għal kulħadd, l-argumenti u l-fehmiet tiegħu għadhom relevanti għall-ġurnata tal-lum” qalet Jessica f’intervista esklussiva mal-ġurnal ILLUM.
Jessica tgħid li kienet iltaqgħet ma’ Fr. Mark Montebello u dan kien esprima x-xewqa li dawn il-poeżiji jiġu ppubblikati. Minn dakinhar, bdiet il-ħidma kontinwa ta’ Fr. Mark sabiex din il-pubblikazzjoni sseħħ. Il-ktieb fih ġabra sħiħa tal-poeżiji ta’ Dimech u huma maqsumin f’seba’ taqsimiet: il-poeżiji ta’ sentiment liriku, poeżiji ta’ sentiment uman, poeżiji ta’ sentiment didattiku, poeżiji ta’ sentiment reliġjuż, poeżiji ta’ sentiment soċjali, poeżiji ta’ sentiment politiku u poeżiji ta’ sentiment nazzjonali. Il-ktieb jinkludi wkoll analiżi kritika tal-poeżiji bl-isem “Manwel Dimech: l-Għannej tal-Poplu mjassar” miktuba minn Jessica Micallef stess u anke kitbiet minn Adrian Grima u Oliver Friggieri. Il-ktieb għandu erba’ lingwi, il-Malti, it-Taljan, l-Ingliż u l-Franċiż.
Manwel Dimech kien ukoll jaqbeż għad-drittijiet tan-nisa, kien wieħed mill-ewwel nies hawn Malta li poġġa lin-nisa fis-soċjetà. Ma baqax iħares lejn il-mara bħala sempliċiment mara tad-dar. Kienu dawn il-ħsibijiet li wassluh sabiex safa skumnikat mill-Knisja. Il-fatt li qabeż għad-drittijiet tan-nisa iktar minn 100 sena ilu juri kemm Dimech kellu ideat progressivi. “Li kieku ma kinux għal nies bħalu li ħadmu għalihom, illum jien bħala mara ma kienx ikolli l-opportunitajiet li għandi llum” saħqet Jessica. “Il-fehmiet tiegħi dwar il-femminiżmu huma sempliċi, il-mara għandha jkollha l-istess opportunitajiet li għandu raġel, imma bl-ebda mod mhu qed ngħid li mara għandha tingħata xi preferenza sempliċiment għax hija mara.”
Jessica tkellmet mal-ILLUM fuq is-sodisfazzjon tagħha wara r-rispons li rċeviet wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb. Tammetti li kellha rispons ikbar milli stenniet.
Mistoqsija jekk taħsibx li hawn suq għal dawn it-tip ta’ kotba f’Malta, Jessica tgħid li iva hawn post iżda “naħseb li s-soċjetà b’mod ġenerali hija nieqsa mill-qari.”
It-tnedija tal-ktieb saret fil-5 ta’ Settembru fejn Jessica ddeskriviet l-okkażjoni bħala “huwa minnu li meta taħdem għal xi ħaġa tieħu l-frott tal-ħidma.” F’din l-okkażjoni kienet preżenti wkoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u saret ukoll ċerimonja bid-dgħajjes fejn sar tfigħ ta’ fjuri fil-baħar.
Manwel Dimech, kien riformatur soċjali f’Malta li kienet għadha mhux indipendenti, filosfu, ġurnalist kif ukoll kittieb.
Imwieled u mrobbi f’faqar u illiteriżmu estrem, Dimech daħal il-ħabs għadd ta’ drabi l-iktar fuq serq. Ta’ sbatax-il sena kkommetta qtil u spiċċa l-ħabs. Wara li nħeles beda jaħdem għal Malta aħjar fejn beda jgħallem u jippubblika xogħlijietu. Huwa kellu l-għan li jagħmel bidla totali fis-soċjetà fejn il-fqar u l-imwarrbin jiksbu posthom f’soċjetà ħielsa. Dan wassal sabiex daħal f’kontroversji mal-partiti politiċi, il-klassijiet privileġġjati kif ukoll mal-Knisja. Dawn il-kontroversji wassluh sabiex fil-5 ta’ Settembru tal-1914 spiċċa eżiljat minn Malta fejn qatt ma reġa’ ġie lura. L-ikbar weġgħa hija li sal-lum il-ġurnata għadna ma nafux fejn jinsab midfun, minħabba li l-qabar tiegħu fl-Eġittu qatt ma ġie mmarkat.