Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-ġnien privat tal-Palazz ta’ San Anton, iż-żgħażagħ ikkordinati mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) varaw il-kampanja Solidaritree fejn għall-ewwel darba ż-żgħażagħ ħarġu bl-idea li jkollhom l-Istrina taż-żgħażagħ. Solidaritree, hija kampanja b’enerġija kkulurita kif jafu joħolqu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin immirata li tkun il-kontribuzzjoni żagħżugħa għall-Istrina ta’ din is-sena.
Wara laqgħat li saru matul ix-xhur tas-sajf fil-Palazz ta’ San Anton mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-KSU ħarġu bl-idea li ż-żgħażagħ kollha ta’ Malta u Għawdex jagħmlu l-Istrina taż-żgħażagħ.
Il-President qalet li tinsab onorata li tant żgħażagħ qed juru rieda li jagħmlu d-differenza f’dan il-pajjiż, bl-enerġija u l-ideat tagħhom u qalet li kienu l-istess żgħażagħ li ressqu lejha b’ideat innovattivi biex jiġbru fondi għall-Istrina. Il-President qalet li din il-Presidenza trid li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu msieħba attivi għaliex ċerta li bl-enerġija u l-kreattività tagħhom se jagħtu ħajja ġdida lil tant proġetti li se jsarrfu tant ġid fil-komunità.
Il-President tal-KSU, Gayle Lynn Callus qal li Solidaritree hija kampanja li se tixgħel il-fjamma fejn tant għaqdiet taż-żgħażagħ diġà aċċettaw li jissieħbu f’din l-enerġija biex jinġabru l-fondi għall-Istrina ta’ din is-sena. Spjega kif Solidaritree se tkun qed toħloq għadd ta’ attivitajiet li permezz tagħhom se jinġabru l-fondi għall-Istrina. Waħda mill-ewwel attivitajiet hija brazzuletta tal-kampanja Solidaritree.
Il-President qalet li Solidaritree mhijiex biss kampanja, iżda hija ċelebrazzjoni taż-żgħażagħ b’enerġija kbira.
Għall-attività tkellmu wkoll Andrew Borg Wirth, u Kenneth Terribile, u għexieren ta’ żgħażagħ minn diversi għaqdiet minn Malta u Għawdex li se jkunu attivi fil-kampanja Solidaritree.