Qatt mhu tard biex titgħallem…
L-Università tat-Terza Età
minn Jean Pierre Cassar
Il-popolazzjoni dinjija dejjem qed tixjieħ, jiġifieri qed jiżdiedu l-ammont ta’ anzjani, mhux f’Malta biss, u jonqsu t-tfal. Huwa minnu li dan il-fenomenu qed jiddomina l-maġġoranza tal-pajjiżi fid-dinja iżda x’inhu l-irwol tal-anzjani fis-soċjetà tal-lum?
Grazzi għall-mediċina u l-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija tal-lum il-ġurnata, l-anzjani tagħna qed jaslu għall-età tal-irtirar iżda jkunu għadhom tajbin kemm fiżikament u anke mentalment. B’hekk fl-1993, l-Istitut tal-Ġerontoloġija kif kien magħruf dak iż-żmien waqqaf l-Università tat-Tielet Età f’Malta.
Il-ġurnal ILLUM tkellem ma’ Joseph Said li tkellem f’isem l-Università tat-Tielet Età, jew inkella kif isejħulha huma l-U3E. Said mill-ewwel qal li l-bidu ta’ din l-Università kien tassew diffiċli iżda bil-ħidma sfieqa tal-mibki Anthony M. Schembri, l-ewwel koordinatur, flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera ddedikati u l-appoġġ tal-ewwel Segretarju Parlamentari għall-kura tal-Anzjani, John Rizzo Naudi, ir-rispons tal-pubbliku kien wieħed ta’ kuraġġ kbir b’numru sabiħ ta’ 190 parteċipant.
“L-għan ewlieni tal-U3E, huwa t-tagħlim bħala gost fih innifsu. Irridu nippromwovu l-edukazzjoni fost l-adulti u l-anzjani, għalina din għandha ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp soċjali tagħhom” saħaq Said.
Il-parteċipazzjoni qed tiżdied kull sena f’dawn l-aħħar għoxrin sena u issa hemm medja ta’ parteċipanti b’670 membru fis-sena. Said jinnota li numru ta’ anzjani li jattendu sena waħda jispiċċaw jibqgħu jattendu sena wara sena.
Iżda x’inhu dak li vera jħeġġeġ lil dawn l-anzjani jattendu?
Hemm numru kbir ta’ korsijiet differenti. Is-suġġetti huma varji, mill-Istorja ta’ Malta minn diversi aspetti fosthom l-ekonomija, il-politika, il-liġi, il-kultura u l-folklor. Il-kura u s-saħħa tal-anzjani. Hemm ukoll suġġetti reliġjużi u spiritwali kif ukoll kultura reliġjuża. Hemm apprezzament tal-arti u l-artisti Maltin. Studju bażiku ta’ ħames lingwi, Malti, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol. Korsijiet oħra jittrattaw ukoll ix-xjenza u anke l-politika Ewropea u relazzjonijiet internazzjonali. Apparti minn hekk, mhumiex biss is-suġġetti li jħajru lill-anzjani tagħna. Said jgħid li l-maġġor parti tal-membri jattendu għax minbarra li għandhom interess kbir li jitgħallmu jkunu jridu jissoċjalizzaw u jibqgħu attivi.
“Il-bidu tagħha kien tassew diffiċli”
Kif qalulna l-anzjani li tkellimna magħhom, dawn il-korsijiet jinqasmu f’seba’ jew tmien lekċers ta’ sagħtejn il-wieħed. Fil-fatt, dawk l-anzjani li jattendu 75% fi tliet korsijiet differenti, jew kif isejħulhom, study units, unità ta’ studju, jingħataw ċertifikat ta’ attendenza. Kull sena jew sentejn issir ċerimonja għat-tqassim taċ-ċertifikati fejn jiġu mistiedna uffiċjali mill-Università ta’ Malta u uffiċjali tal-Gvern mill-qasam tal-anzjani.
Il-membri jaqgħu bejn żewġ kategoriji, il-grupp ta’ bejn il-65 u d-69 sena u dawk bejn is-70 u l-74 sena. L-ikbar persuna li qatt kellna s’issa kellha 87 sena.
Joseph Said jistqarr kif ma tantx isibu xi problemi kbar f’dawn il-korsijiet. Hu qal li “l-akbar diffikultà hi meta jkun hemm xi tibdil fil-lekċers. Din ma ssirx ta’ spiss imma biex tavża xi tibdil fil-programm, il-membri li m’għandhomx imejl ikunu daqsxejn diffiċli biex tavżahom.”
Said iżda jgħid ukoll li jekk ma jkollokx livell ta’ edukazzjoni jaf issib diffikultà biex tattendi għal dawn il-programmi. “Ħafna mill-membri li jattendu huma ta’ livell ta’ edukazzjoni għolja, għalkemm issib xi wħud b’livell ta’ edukazzjoni baxx iżda għandhom interess jitgħallmu aktar. Il-maġġor parti tal-membri li jattendu huma miċ-ċentru u s-Sud ta’ Malta” qal Said.
Il-miżata għal dawn il-korsijiet hija nominali.
Iċ-ċentri ta’ tagħlim
Iċ-ċentru prinċipali qiegħed l-Istitut Kattoliku, il-Furjana. Iżda għandna fergħat oħra, is-Salesjani f’St. Patrick’s f’Tas-Sliema, Ċentru tar-Riżorsi l-Kottonera li nfetaħ f’Ottubru li għadda u Ċentru tal-anzjani matul il-jum f’Għajnsielem Għawdex, u hemm il-ħsieb niftħu ċentru ieħor il-Mosta.
L-Università tat-Terza Età għandha l-Assoċjazzjoni tagħha mmexxija minn kumitat maħtur minn fost il-membri. Dan il-kumitat jieħu ħsieb jorganizza attivitajiet reliġjużi u soċjali kif ukoll ħarġiet kulturali. Barra minn hekk ċerti lekċers jikkonsistu fi żjajjar f’postijiet differenti u huma popolari ħafna mal-membri.
ILLUM tkellem ma’ membri u parteċipanti li jipparteċipaw f’dawn il-korsijiet sena wara sena u ħa mingħandhom kummenti dwar x’inhi l-esperjenza tagħhom u għalfejn jattendu dawn il-korsijiet.
Martin Diacono
69 sena
“Meta għalaqt il-61 sena kien hemm ħabib tiegħi u tal-mara li ħajjarna nattendu dawn il-lekċers. Fittixna ftit is-suġġetti u rajna li kien hemm korsijiet li kienu jgħoddu ħafna għalina. Kienu suġġetti li jien sibthom utli u li ma kontx profondajt fuqhom ta’ età iżgħar. Matul dawn l-aħħar snin ħadna korsijiet f’lingwi, politika, arti, l-Ordni ta’ San Ġwann, il-Vatikan, is-swar tal-Belt u ħafna oħrajn. Nhar ta’ Ġimgħa jkollna ħarġa bil-quddiesa, inżuru postijiet ta’ interess u mbagħad ikla flimkien.
Huma programmi li magħhom m’għandekx eżamijiet imma hu sta għalik kemm se tinteressa ruħek fis-suġġetti. Fejn qabel, jien u marti konna nsiefru u naraw mużew tal-arti u nibqgħu għaddejjin, bis-saħħa ta’ dawn il-lezzjonijiet tgħallimna ħafna fuq l-arti u issa meta nsiefru ninteressaw ruħna.
Apparti minn hekk kien ukoll mod kif inżommu ruħna f’saħħitna billi nipparteċipaw fil-line dancing ukoll.”
Juli Agius
80+ sena
“Issa ili nattendi għal dawn l-aħħar seba’ snin. Nentużjażma ruħi għall-informazzjoni inġenerali, b’mod speċjali għal-lingwi. Jien inħobb inkun naf u minn ċkuniti dejjem interessajt ruħi fil-lingwi. Meta kont żgħira kont tgħallimt it-Taljan u l-Franċiż, issa, bis-saħħa tal-U3E qed nitgħallem l-Ispanjol. Dawn huma lekċers li ma jikkawżawlekx stress. Jien inħobb inqassam il-ħin minħabba li jien mara tad-dar u għandi dar x’inżomm, b’hekk nipprova naħtaf siegħa u nġib kotba b’lingwi differenti biex niprattika dak li diġà naf.
Lill-anzjani li qed jaqraw dan nixtieq ngħidilhom - ħaddmu raskom biex ma tobolqux u ssiru inkapaċi! La darba l-magna tibqa’ taħdem tibqa’ sana, jekk il-moħħ traqqdu ħa jibqa’ rieqed.”
Carmen George
64 sena
“Meta ġejt biex nirtira kont diġà naf b’din l-università u kont tassew imħeġġa biex napplika u nibda nattendi l-lekċers. Fil-ħajja qatt ma tiqaf titgħallem. Kellna lezzjonijiet fuq il-filosofija u permezz ta’ dan bdejt niskopri żoni ġodda f’ħajti li qatt ma kont qrajt fuqhom. Kellna kors ukoll fuq id-dimensja, ieħor ‘Ħarsa lejn Malta llum’ u ‘L-irwol tal-UE f’relazzjonijiet internazzjonali’.
Il-lezzjonijiet dejjem ikunu bil-Malti u dejjem jagħmluhom bi stil interessanti.
Nissuġerixxi lill-anzjani oħra biex jingħaqdu magħna għax l-ewwel nett dejjem hemm x’tibqa’ titgħallem f’ħajtek u għandek l-opportunità li tiltaqa’ ma’ nies anzjani bħalek u forsi xi ħbieb antiki li tkun ilek snin ma tarahom.”
“Bdejna b’190 membru u issa għandna 670”
Gemma Vella
70+
“Jien kont smajt b’dawn il-programmi malli bdew iżda ma stajtx nidħol mill-ewwel minħabba li żewġi kien marid. Issa ili ’l fuq minn 19-il sena nattendi u dejjem sibt suġġetti li jinteressawni, iżommuni aġġornata maż-żminijiet u dejjem nitgħallem.
Għandna wkoll il-kor li nieħdu sehem fil-quddiesa kull xahar. Jien nieħu ħsieb il-kor u qegħdin ’il fuq minn 35 korista iżda ħasra li ma tantx hemm rapreżentazzjoni maskili. Nagħmlu l-provi darba fil-ġimgħa. Niprattikaw biċċiet mill-operetti, films bħal Sound of Music, diski Taljani u anke Maltin. Immorru wkoll inkantaw fid-djar tal-anzjani xi darbtejn fis-sena.
Lill-anzjani li qed jitħajru ngħidilhom biex japplikaw magħna u jieħdu sehem f’kull attività li nagħmlu!”
James Souness
63 sena
“Kienu bdew jattendu sħabi u ħajruni ningħaqad magħhom. Kien hemm ħafna suġġetti differenti u mill-ewwel sibt x’jolqotni. Hemm korsijiet fuq partiti politiċi, storja, ir-reliġjon, il-qaddisin u l-Papiet fost l-oħrajn.
Lil dawk li qed jaħsbuha darbtejn ninkuraġġihom jinkitbu għas-sena akkademika li ġejja u niżgurahom li xi ħaġa interessanti se jsibu żgur. Apparti minn hekk jidħlu iżjed fil-ħajja soċjali u kulturali tal-pajjiż ma’ nies tamparhom.”