Ottubru u l-għarfien fuq il-kanċer tas-sider
Ix-xahar ta’ Ottubru hu sinonimu ma’ diversi kampanji dwar l-għarfien fuq il-kanċer tas-sider. Marda li ftit huma dawk in-nies konxji li taffettwa anke l-irgiel għalkemm fuq numri ferm iżgħar minn nisa.
minn Frederick Attard
Għal ħafna nisa kollox jibda meta l-mara tkun ħasset xi boċċa fis-sider. Mhux kull boċċa bilfors tkun kanċer imma li hu żgur hu li ħadd m’għandu jirriskja jevita vista medika.
Fil-passat, l-unika tama li kellha mara li kien ikollha kanċer tas-sider kienet li tagħmel mastektomija - operazzjoni xejn pjaċevoli li fiha jitneħħa s-sider flimkien mal-glandoli limfatiċi tas-sider u ta’ taħt l-idejn, u l-muskoli tas-sider. Il-kura permezz tal-kimoterapija jew ir-raġġi spiss kienet iżżid it-tbatija. Ħafna kienu jibżgħu mill-“kura” iktar milli mill-marda.
Il-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider kienet u għadha taqbida kontinwa bejn il-ħtieġa li tiġi kkurata b’mod aggressiv u x-xewqa li jiġi evitat li l-persuna tiġi sfigurata bla bżonn kif ukoll li tbati l-effetti tal-kura li jikkaġunaw ħafna uġigħ.
Madankollu, minkejja l-avvanzi fil-mediċina, il-kanċer tas-sider jibqa’ wieħed mill-akbar kaġuni ta’ mewt bil-kanċer fin-nisa. Ir-riskju jiżdied bl-età. Madwar 80% tal-każi huma ta’ nisa ’l fuq minn 50 sena. Imma t-tajjeb hu li l-kanċer fis-sider hu wieħed mill-iktar kanċer li jista’ jiġi kkurat. 97% tan-nisa li l-kanċer ta’ sidirhom ikun fl-ewwel stadju tiegħu u ma jitħalliex jinfirex għadhom ħajjin wara ħames snin li jkunu saru jafu bih.
Dwar l-għarfien fuq il-kanċer tas-sider tkellimna mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne, mad-Deputat Nazzjonlista u kelliem għas-saħħa Claudio Grech, mat-Tabib Josie Muscat u ma’ Esther Sant, kampanjatriċi u rebbieħa fuq il-marda tal-kanċer.
“Ibżgħu biss jekk ma tagħmlux dan it-test li jaf isalvalkom ħajjitkom”
Chris Fearne
Segretarju Parlamentari għas-Saħħa
“Sfortunatament l-istatistika turi li l-kanċer tas-sider huwa fost l-aktar komuni kemm fl-Ewropa u anke f’Malta, tant lis-sena li għaddiet mat-tliet mitt mara kienu affetwati. Però l-aħbar it-tajba hi li dan jista’ jiġi evitat u trattat jekk jinqabad fi stadju bikri” qal Chris Fearne.
Hu spjega kif id-Dipartiment tas-Saħħa għaddej b’ħidma ffukata u kontinwa sabiex l-kanċer tas-sider jinqabad kmieni kemm jista’ jkun ħalli jkun trattat immedjatament qabel jinfirex. “Kull ġimgħa ċ-Ċentru Nazzjonali tal-Moniteraġġ tal-Kanċer jibgħat madwar 300 invit lin-nisa ta’ bejn il-50-60 sena għal test bla ħlas tal-mammografija. Dan il-kunċett ta’ moniteraġġ ifisser li persuna li tkun qed tħossha b’saħħitha u m’għandhiex sintomi, tiġi u tagħmel test partikolari sabiex jekk ikun hemm problema din tiġi maqbduda fi stat kmieni. Kemm ilu jsir dan il-moniteraġġ, diġà ġew identifikati u trattati ’l fuq minn 200 każ ta’ kanċer tas-sider fi stadju bikri, li grazzi għal dan l-intervent ġie evitat li l-problema tkompli tinfirex” qal Fearne waqt li żvela qal li hu kkalkulat li madwar 60% tan-nisa jaċċettaw dan l-invit.
“Id-Dipartiment tas-Saħħa matul f’dan ix-xahar iddedikat għal ħarsien mill-kanċer tas-sider, jieħu l-opportunità sabiex iħeġġeġ aktar nisa biex jaċċettaw dan l-invit u jirrikorru fiċ-ċentru ta’ Lascaris u jagħmlu dawn it-testijiet tant bżonjużi. Fl-istess waqt bi pjaċir, l-istatistika turi li fis-sena 2014 aktar minn 80% tan-nisa attendew sabiex jagħmlu t-tieni test tal-mammografija, f’dan hekk imsejjaħ it-tieni ċiklu. Dawn il-figuri pożittivi juru l-kunfidenza ta’ dawn in-nisa fis-servizzi ta’ kwalità għolja offruti miċ-ċentru ta’ Lascaris il-Belt Valletta. Wieħed huwa importanti li jiftakar li n-nisa Għawdxin li jirċievu dawn l-inviti, jingħataw is-servizz Għawdex stess” qal Fearne.
Temm jgħid li bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa jirringrazzja kemm lit-tim kollu taċ-Ċentru ta’ Lascaris u kemm lit-tim kollu tal-Breast Clinic f’Mater Dei tal-ħidma ddedikata tagħhom, tant li f’Mater Dei jekk jaraw każ urġenti dan jingħata t-trattament illi jkun meħtieġ dakinhar jew l-għada stess.
Claudio Grech
Deputat Nazzjonalista u kelliem għas-saħħa
“Inħoss li l-aktar għodda effettiva li għandna ninvestu fiha fuq din il-marda hija l-prevenzjoni u aktar u aktar l-edukazzjoni minn età żgħira. Għalkemm sar ħafna xogħol f’dan ir-rigward fis-snin li għaddew, inħoss li issa rridu nagħmlu ħilitna kollha biex ma nħallu l-ebda ħajja tintilef sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ għarfien” qal Grech meta kien mitlub jikkummenta fuq l-għarfien ta’ din il-marda.
Hu semma li l-programmi ta’ moniteraġġ li nbdew taħt l-aħħar amministrazzjoni kkontribwixxew ħafna lejn dan il-għan u issa hemm bżonn li jsir sforz akbar biex permezz tal-investiment f’dawn l-inizzjattivi nsalvaw aktar ħajjiet. “Kif stqarrejna riċentament, il-PN jemmen li dan l-isforz preventiv jista’ jissaħħaħ ħafna aktar jekk isiru sforzi konġunti mas-settur privat kif ukoll mal-NGOs involuti fis-settur sabiex ikun hemm konverġenza sħiħa tal-isforzi li jridu jsiru f’pajjiżna.”
“Il-kanċer tas-sider jibqa’ wieħed mill-akbar kaġuni ta’ mewt bil-kanċer fin-nisa”
Grech saħaq li l-oppożizzjoni tistenna li l-Gvern ikompli fuq dak li nbeda fis-snin li għaddew u li jżid b’mod konsistenti aktar mediċini tal-onkologija li jistgħu jingħataw b’xejn lill-pazjenti li għandhom bżonnhom. “Bħala politiċi nħoss li ma nistgħux naċċettaw li f’pajjiżna jkollna sitwazzjoni fejn il-ħajja ta’ persuna tkun determinata mill-karità – irridu naħdmu flimkien biex il-fondi pubbliċi li jitpoġġew fis-servizz tas-saħħa jintużaw fejn l-aktar hemm bżonn u fejn il-pazjent u l-familja tiegħu waħdu ma jistax ilaħħqu.”
Grech temm jgħid li wasal iż-żmien li nagħtu ħafna aktar importanza lit- trattament lin-nisa li jirnexxielhom ifiequ minn din il-marda, speċjalment dawk li jkollhom bżonn kura prostetika. “Din il-kura m’għandiex tiġi kkunsidrata bħala xi ħaġa kożmetika iżda bħala parti integrali mill-proċess ta’ fejqan u riabbilitazzjoni ta’ min jgħaddi mit-trawma ta’ dawn l-operazzjonijiet.”
Esther Sant
Kampanjatriċi - Action for Breast Cancer Foundation
“Li tkun messitek il-marda tal-kanċer tas-sider huwa xi ħaġa li ħadd ma joħlom jew jixtieq wara biebu, iżda r-realtà hi li aktar minn tliet mitt mara fis-sena jiġu milqutin minn din il-marda f’Malta” tgħid Esther Sant li personalment iġġieldet il-marda u llum tifforma parti mit-tim ta’ Action for Breast Cancer Foundation.
Sant saħqet fuq il-ħtieġa li nedukaw ruħna sabiex kemm jista’ jkun nipprevenu dan it-tip ta’ mard. “Fost affarijiet oħra nsibu l-bżonn li nagħmlu l-eżereċizzju fiżiku u li nieklu ikel bilanċjat, ippreparat frisk u mingħajr xaħmijiet jew sustanzi oħra li nsibu fid-dadi. Noqogħdu lura mill-ikel raffinat u konvenjenti li jista’ jkollu kimika mħallta sabiex iżżomm tajjeb sa ma jasal għandna fuq il-mejda. Nixorbu ilma flok luminati, nillimitaw l-użu ta’ alkoħol u ma npejpux.”
Sant semmiet kemm hu importanti li nsiru nafu lilna nfusna billi neżaminaw sidirna almenu darba fix-xahar. “Jekk persuna ssib xi ħaġa suspettuża għandha tara t-tabib tal-familja. Irridu ngħidu li l-kanċer tas-sider jolqot ukoll l-irgiel u jkollna madwar 300 fis-sena u allura anke l-irġiel iridu jeżaminaw lilhom infushom. 90% tal-boċċi li jinstabu fis-sider ma jirriżultawx f’kanċer.”
Tkellmet ukoll dwar il-programm Nazzjonali tal-moniteraġġ tas-sider li jinsab f’Lascaris il-Belt Valletta. “Dan il-programm qed jagħti riżultati tajbin ħafna għaliex in-nisa minn 50 sena ’l fuq qed jiġu mistiedna jagħmlu moniteraġġ u f’każ li jinstabilhom kanċer fi stadju bikri ċ-ċans ta’ fejqan għalihom huwa għoli ħafna. Ta’ min jgħid li huwa importanti li dan l-invit jiġi milqugħ u apprezzat għaliex mara tista’, permezz ta’ mammogram, isserraħ moħħa u jekk jinstab xi ħaġa suspettuża hija tingħata l-kura kollha li għandha bżonn fil-pront u bl-aktar mod professjonali.”
Sant temmet tgħid li għandna napprofittaw ruħna minn dan is-servizz mogħti lilna b’xejn u biex ma ninjorawhx, anzi ninkoraġġixxu lil xulxin għax jista’ jsalvalna ħajjitna.
Josie Muscat
Tabib u Kap tal-Isptar Saint James
“Nifirħu ma’ dawk li rnexxielhom jgħelbuh, nagħtu appoġġ lil dawk li qed jikkumbattuh filwaqt li niftakru f’dawk il-maħbubin li tlifna minħabba dan il-kanċer” hekk beda biex qal it-tabib Josie Muscat meta tkellem mal-ILLUM.
It-tabib Muscat qal li meta jiftakar li l-kanċer tas-sider huwa t-tieni fost il-mard qattiel tal-mara wara mard tal-qalb, bilfors li l-aktar ħaġa importanti hija l-prevenzjoni.
“Illum ix-xjenza qed toffri lill-mara numru ta’ affarijiet kontra din il-marda tal-kanċer u l-possibbiltà li tirbħilha. Il-marda tal-kanċer tintiret u għalkemm huwa importanti li kull mara tieħu ħsieb sidirha, li wara kollox huwa l-organu li jagħmel lill-mara femminili u tħossha sabiħa; dawk li fil-familja kellhom nies bil-kanċer tas-sider, tal-musrana, tal-utru u l-ovarji, dawn huma aktar suġġetti li jkollhom il-kanċer tas-sider minn ħaddieħor.”
Muscat spjega kif filwaqt li sa ftit ilu kellna biss il-‘mammogram’, magna li setgħet tintuża fuq nisa ta’ ’l-fuq minn 39-40 sena, illum għandna magni ta’ termografija li ma jużawx raġġi u li jistgħu jintużaw minn kulħadd, anke minn nisa ta’ etajiet iżgħar, speċjalment dawk li huma aktar vulnerabbli.
“Jien irrid ngħix u rrid ngħix ħajja sabiħa u b’saħħti u bla uġiegħ u bla problemi għalija u għal ta’ madwari.” Din hija l-frażi, qal it-tabib Muscat, li jisma’ ripetutament mingħand kull mara.
“Ħafna nisa huma konxji mill-importanza li taqbad l-kanċer tas-sider fil-vera bidu tiegħu u għal dawk li jgħidu li jibżgħu, jien ngħidilhom ibżgħu biss jekk ma tagħmlux dan it-test sempliċi li jaf isalvalkom ħajjitkom” temm jgħid Muscat.