L-Università ta’ Malta f’xogħol kollaborattiv ma’ żewġ Universitajiet Ċiniżi
Kors għall-grad ta’ Master fil-Mediċina Tradizzjonali u l-Kultura Ċiniża.
More in Socjali
Kors għall-grad ta’ Master fil-Mediċina Tradizzjonali u l-Kultura Ċiniża.
Delegazzjoni ta’ livell għoli mill-Università tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża ta’ Shanghai (Shanghai University of Traditional Chinese Medicine – SUTCM) immexxija mill-President il-ġdid, il-Professur Jiangjan Xu, iltaqgħet mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Mr Chris Fearne, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Juanito Camilleri. Il-partijiet iddiskutew il-ftehim li diġà kien intlaħaq bejn l-SUTCM u l-Università ta’ Malta fl-2013 biex jittnieda kors għall-grad ta’ Master fil-Mediċina Tradizzjonali u l-Kultura Ċiniża.
Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, ir-Rettur tal-Università rringrazzja lill-Professur Jiangjan Xu u d-delegazzjoni tiegħu għaż-żjara tagħhom fl-Università ta’ Malta. Il-Professur Camilleri rringrazzja wkoll lis-Sur Reno Calleja, il-President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u membru tal-Kunsill tal-Università, għall-assistenza kontinwa tiegħu biex jgħin ħalli dan il-proġett jimxi ’l quddiem.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Mr Chris Fearne, fakkar li Malta diġà kellha ċ-Ċentru Mediterran tal-Agupuntura f’Kordin, li kien twaqqaf bejn l-Università ta’ Nanjing u l-Gvern Malti fl-1980, u li kellu suċċess kbir ħafna. Mr Fearne qal li l-kors għall-grad ta’ Master huuwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex jistabbilixxi lil Malta bħala ċentru għat-turiżmu mediku.
Huwa maħsub li l-kors jibda f’Ottubru 2015. Il-Professuri Alfred Vella, Joseph Cacciottolo u Charles Savona Ventura qegħdin jaħdmu flimkien mal-SUTCM biex jiżviluppaw il-kurrikulu u jfasslu l-programm akkademiku.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, akkumpanjat mir-Rettur tal-Università ta’ Malta u s-Sur Reno Calleja, kien żar l-SUTCM biex jiġġedded l-impenn dwar il-kors għall-grad ta’ Master li għandu l-għan li jattira lil tobba u professjonisti fil-kura tas-saħħa minn Malta kif ukoll minn barra.
Matul iż-żjara fiċ-Ċina kien ġie ffirmat Ftehim mal-Ministru Ċiniż għall-Edukazzjoni biex jiġu rikonoxxuti l-lawrji mogħtija mill-Università ta’ Malta. Il-Ministru Bartolo kien żar ukoll l-Università tal-Istudji Barranin ta’ Beijing fejn ippromwova t-tagħlim tal-lingwa u l-Kultura Maltija. Tletin student Ċiniż issa rreġistraw għal dan il-kors.