L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, l-Arkivju Richard Ellis (Malta) u l-Kunsill tal-Belt ta’ Girona, Centre de Recerca i Difusió de la Imatge (Centre for Image Research and Diffusion - CRDI), iffirmaw Memorandum of Understanding bil-mira li jaħdmu flimkien fl-għarfien, fil-ħarsien, fil-promozzjoni u fid-disseminazzjoni tal-kollezzjonijiet fotografiċi tagħhom.
Il-ftehim se jwassal il-partijiet biex jaħdmu fuq proġetti konġunti għall-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-kollezzjonijiet fotografiċi tagħhom, riċerka konġunta, taħriġ dwar il-fotografija u żvilupp tal-ħiliet tal-persuni li jaħdmu fuq materjal fotografiku ġewwa l-arkivji.
Ian Ellis, id-direttur tal-Arkivju Richard Ellis esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim li ser ikompli jsaħħaħ il-kollezzjoni unika ta’ dan l-arkivju kif ukoll il-kollaborazzjoni mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u arkivji oħra. Is-Sindku Carles Puigdemont Casamajó, kien sodisfatt ferm bil-kontribut li dan il-ftehim ser jagħti fl-iżvilupp tar-rabtiet kulturali u storiċi fil-kuntest Ewropew u Mediterranju.
L-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia qal “Nirringrazzja lill-Arkivju Richard Ellis u lill-Arkivju tal-Belt ta’ Girona li ħdimna flimkien biex naslu għal dan il-ftehim. Dan huwa l-bidu ta’ proġett bejnietna sabiex flimkien nagħtu l-pass li jmiss fl-iżvilupp tal-arkivji tagħna, din id-darba fil-qasam tal-fotografija.”