Il-President tniedi l-kampanja tal-Istrina

Il-President Coleiro Preca tniedi uffiċjalment il-kampanja tal-Istrina b'solidarjetà

Marie Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija tal-Istrina
Marie Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija tal-Istrina

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca varat il-kampanja L-Istrina b’Solidarjetà, li hija l-kampanja ta’ din is-sena b’disa’ attivitajiet kbar, ilkoll immirati biex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Fid-diskors li tat il-President ta’ Malta għamlet appell imqanqal lill-poplu Malti u Għawdxi biex jifhem għalfejn L-Istrina ta’ din is-sena trid tkun festa kbira ta’ solidarjetà. Spjegat li kemm ilha President, it-talbiet u l-ispejjeż għall-għajnuna, l-iktar għall-kura ta’ mard tal-kanċer fost it-tfal u adulti kibru ħafna. Il-President esprimiet ir-realtà li hi tħossha preokkupata ħafna għall-fatt li minħabba l-ispejjeż u l-inċidenza tal-mard tal-kanċer qed tikber, hemm bżonn li l-fond jilqa’ għal dawn l-isfidi.

Il-President qalet li hi temmen li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem kien rebbieħ meta ġew battalji kbar għas-solidarjetà, u huwa għalhekk li spjegat li hemm bżonn li nhar L-Istrina u f’kull attività marbuta magħha, il-poplu jikkonkorri bil-qalb għaliex m’hemmx isbaħ li f’soċjetà, il-membri jaħsbu f’xulxin.

Il-Professur Carmel Borg, membru fil-bord tal-Malta Community Chest Fund, ta dettalji dwar l-oqsma ta’ ħidma volontarja li se jkunu kkunsidrati fis-sejħa tal-Istrina 2014.  Dawn l-oqsma jinkludu:  It-Trobbija, it-Tfulija u l-Edukazzjoni; ix-Xogħol, is-Saħħa; il-Faqar, Diżabbiltà, id-Djalogu Interġenerazzjonali u Interkulturali; u l-Ekoloġija. Profs Borg ħabbar ukoll li s-somma allokata għall-Fond tal-Volontarjat se titħabbar f’Jannar hekk kif tkun magħrufa s-somma miġbura nhar l-Istrina u titqassam fuq tliet inizjattivi: Proġetti mressqa minn għaqdiet volontarji rreġistrati, xogħol infrastrutturali f’kuntesti ta’ ħidma volontarja, u fond għall-emerġenzi internazzjonali.  Il-Professur Borg ħabbar li f’Diċembru 2014 għandhom jitħabbru l-oqsma ta’ ħidma, f’Jannar 2015 titħabbar is-somma allokata għall-Fond tal-Proġetti u jiftħu l-applikazzjonijiet, u f’Marzu 2015 titħabbar is-somma allokata għax-xogħol infrastruttrali u għall-fond ta’ Emerġenza. 

L-attivitajiet ta’ din is-sena huma Solidarjetà bl-Isports bl-attivitajiet organizzati minn diversi soċjetajiet bl-isports b’risq il-Malta Community Chest Fund; il-kampanja Piggy Bank li se tiġi varata fil-21 ta’ Ottubru, il-ktieb Tisjir mill-Qalb li l-qliegħ minnu wkoll imur għall-Malta Community Chest Fund; il-Bike Ride li għall-ewwel darba se tkun ġirja nazzjonali bil-muturi u bir-roti flimkien, l-Irkant tal-Arti b’risq l-Istrina varata fil-21 ta’ Novembru; il-Fun Run li se tkun qed issir fit-23 ta’ Novembru u Paqpaqli għall-Istrina li se ssir fis-7 ta’ Diċembru. 

Din is-sena għall-ewwel darba se ssir L-Istrina taż-żgħażagħ ‘Solidaritree’ fid-19 ta’ Diċembru; u għall-ewwel darba wkoll se ssir L-Istrina f’Għawdex nhar Jum il-Milied.  Il-qofol tal-attivitajiet hija ċelebrazzjoni kbira ta’ solidarjetà fl-Istrina, fis-26 ta’ Diċembru.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji Gayle Lynn Callus li spjega kif Solidaritree se tkun qed tgħaqqad liż-żgħażagħ kollha minn diversi kulleġġi edukattivi, u żgħażagħ kollha b’rieda tajba biex jagħmlu d-differenza.

Tkellmet ukoll Lisa Brooke, il-persuna inkarigata mill-uffiċċju MCCF ta’ Għawdex, fejn għall-ewwel darba hemm uffiċċju biex jagħti servizz dirett lill-Għawdxin.

More in Socjali