Hekk kif dalgħodu mistennija l-aħbar tal-konferma tar-riżenja ta' Pawl Cremona minn Arċisqof ta' Malta, jidher li l-amministrazzjoni se tgħaddi f'idejn l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna sakemm il-Papa Franġisku jagħżel is-suċċessur ta' Cremona.
Matul il-jum tal-bieraħ hekk kif ġriet l-aħbar tar-riżenja ta' Cremona ħafna kkummentaw dwar il-fatt li Cremona hu bniedem twajjeb, umli u li jaf jagħder u jħenn. Ma naqasx ukoll li jibdew ħerġin diversi spekulazzjonijiet dwar min se jkun is-suċċessur tiegħu.
Matul l-aħħar xhur il-gazzetta ILLUM ippublikat diversi artikli dwar is-sitwazzjoni fit-tmexxija tal-Knisja f'Malta wara li numru ta' qassisin tkellmu b'mod anonimu fuq dak li kien għaddej. Kien hemm l-għidut dwar kawtela kbira bejn l-Isqof t'Għawdex Mario Grech u l-Isqof Scicluna hekk kif it-tnejn li huma kienu qed iħarsu lejn il-pożizzjoni tal-Arċisqof Cremona b'konoxxenza li ma kienx se jdum wisq fit-tmun tal-Knisja.
L-Isqof Grech hu magħruf bħala isqof li hu viċin in-nies u li għandu l-kwalitajiet meħtieġa biex ikun is-suċċessur ta' Cremona filwaqt li Scicluna hu magħruf bħala akkademiku li jgawdi fiduċja għolja mis-Santa Sede.