Wieħed mill-kontendituri li qed jissemma fost il-membri tal-kleru bħala possibiliment is-suċċessur ta’ Pawl Cremona hu Dun Jimmy Bonnici. Bonnici hu qassis djoċesan ta' 42 sena mill-Mosta u ġie ordnat saċerdot fl-1998. Bħalissa hu r-rettur tas-Seminarju Maġġuri tad-Djoċesi ta' Malta.
Bonnici sar rettur wara Monsinjur Anton Gouder. Bħala rettur hu wera kontinwità mal-predeċessur tiegħu.
Bonnici hu qrib ta' Fr Joe Borg u jissimpatizza mal-ideat tiegħu. Monsinjur Ġużepp Mifsud Bonnici li, għal bosta snin serva ta' delegat tal-kleru taħt Ġużeppi Mercieca u Pawlu Cremona, għenu biex ikompli jistudja wara l-ordinazzjoni f'Ruma bl-iskop li jkollu din il-pożizzjoni influwenti fid-djoċesi.
Fr Jimmy, kif inhu magħruf ma’ kulħadd, qed jitqies bħala kandidat ideali għall-episkopat preċiżament għax jirrapreżenta l-kontinwità mal-politiki passati u peress li mhuwiex it-tip li jħobb iċaqlaq il-persuni mill-karigi tagħhom. Hu żamm il-kontinwità fis-seminarju tant li d-diretturi spiritwali għadhom l-istess persuni li kien hemm fi żmien l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca.
Il-fatt li Fr Jimmy joffri kontinwità hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa kontendituri mat-tmexxija tal-kurja peress li għalihom Fr Jimmy joffri wiċċ ġdid żagħżugħ imma fl-istess ħin garanzija li ma jkunx hemm terremot fid-djoċesi Maltija.
Fr Jimmy mhu marbut ma’ ebda moviment fil-Knisja u lanqas ma serva fit-tul f'ebda parroċċa la bħala kappillan u lanqas bħala viċi. Ma jiktibx fil-ġurnali u ma’ jħobbx jidher fit-TV. Minkejja dan però hu bniedem bieżel ħafna.
Fi ftit kliem, Fr Jimmy għandu t-tbissima ta’ Pawl Cremona, ir-raġunar ta’ Ġużeppi Mercieca u d-determinazzjoni ta' Anton Gouder, tliet kwalitajiet li qed jimbuttawh il-quddiem għas-siġġu vakanti li ħalla warajh Cremona.