L-Indja: imxejt mal-passi ta’ Buddha

Illum inħossni ftit aktar għaref mill-bieraħ

250 delegat minn madwar id-dinja ġejna mistiedna biex nimxu mal-passi ta’ Buddha fl-Indja. Passi li fihom tgħallimt ħafna. Ma sirtx Buddist, lanqas ħassejtni nimxi ma’ xi reliġjon li ma tantx naf dwarha. Iżda tgħallimt inħares lejn l-ispiritwalità tiegħi għax bħal ħafna madwar id-dinja ħassejt li l-Buddiżmu aktar minn reliġjon hi stat ta’ ħajja. Ħajja spiritwali fejn tkun kapaċi tagħraf lilek innifsek, issib it-trankwillità u tgħix b’mod pożittiv. 

Forsi tgħallimt iżjed naħseb qabel nitkellem għax Buddha dam sitt snin jimmedita qabel għamel l-ewwel prietka tiegħu. Qabel nibda nirrakkonta l-esperjenzi tiegħi meta żort fejn twieled, għex, taħt is-siġra fejn ħa l-għarfien spiritwali tiegħu nnifsu u fejn ta l-ewwel prietka tiegħu, ta’ min itarrfilkom ftit dwar il-Buddiżmu.

Il-Buddiżmu hi reliġjon ibbażata fuq it-tagħlim ta’ Siddharta Gaudama, prinċep li għex 2,500 sena ilu fin-Nepal u fin-naħa ta’ fuq tal-Indja. Beda jissejjaħ Buddha għax tfisser awakened one (qam mill-mewt tal-ħajja meta esperjenza realizzazzjoni profonda tan-natura tal-ħajja, il-mewt u l-eżistenza tagħna). It-tagħlim tiegħu kif il-bniedem jista’ jirealizza lilu nnifsu mingħajr bżonn ta’ twemmin jew dogmas iżda billi jkollu esperjenza diretta mal-eżistenza tiegħu. Fil-preżent hemm 350 miljun buddist u b’hekk jagħmilha r-raba’ l-akbar reliġjon fid-dinja. Id-differenza bejn il-Buddiżmu u r-reliġjonijiet l-oħra hi ma tiffukax fuq alla jew allat. Iżda kull wieħed għandu jemmen fl-eżistenza tiegħu nnifsu u mhux permezz ta’ duttrini li jgħallmuk il-kotba bħal Bibbja, Koran u diversi kotba oħra.

Il-fatt li dan it-twemmin hu bbażat fuq paċi, imħabba u trankwillità u armonija miegħek innifsek jagħmel din ir-reliġjon waħda paċifika u lil popli li jħaddnuha bħala nies pożittivi. Il-mixja tiegħi f’dan ir-rigward kienet tfisser li nattendi għal dak imsejjaħ chanting bħal talb tal-patrijiet Buddisti li meta tisma’ dawk il-mijiet isejħu lil Buddha taħt is-siġra (Bodhi Tree) li 2,500 sena ilu kien ġie mdawwal, idaħħluk f’qoxortok u jġegħluk timmedita dwar ħajtek. Dwar jekk intix tgħix ħajja sewwa għalik innifsek jew qed jekk hux qed tgħix għal ħaddieħor.

Ir-reġjun tal-Bihar, li hu magħruf għal pellegrinaġġi tal-Buddisti hu l-aktar wieħed imfittex mill-Buddisti. Ikolli nammetti li sa ma mort hemm kont naħseb li l-Buddha hu dik l-istatwa ħoxna dejjem bi tbissima. Iżda kont żbaljat għax il-Buddha għalkemm ħadd qatt ma rah fl-Indja hu pinġut bħala persuna rjali (għax kien prinċep), b’figura żnella u bi swaba ta’ persuna qed jipprietka, b’għajnejh magħluqa jew imbexxqin minħabba s-snin li qatta’ jimmedita biex sab lilu nnifsu. Meta staqsejt fejn hu l-Buddha l-oħxon qaluli li dak kif ipinġuh il-Buddisti Ċiniżi li jaraw fil-Buddha l-persuna ferriħija.

Kulfejn morna laqgħuna b’xalel bojod, fjuri oranġjo madwar għonqna u b’ċirku żgħir aħmar impinġi fuq moħħna. Għal kull statwa ta’ Buddha ngħatajna stikka ta’ nċens biex nagħmluha quddiem l-istatwi ġganteski tal-Buddha. L-ambjent, ir-riħa tfuħ u l-kantalieni tagħhom jimxu miegħek kulfejn tmur u mingħajr ma trid jidħlu fik fejn bdejt kulfejn immur inkanta... ‘Buddham, sharnam, gachchami,’ fejn wieħed ikun qed jitlob lil Buddha biex ikun taħt id-dell tiegħu. Ingħatajt statwa sabiħa tal-injam tal-Buddha u l-kuruna magħmula minn Ficus religiosa (il-Buddha Tree) u fiha 108 żibġiet li huma l-108 dnubiet tad-dinja u wieħed jirreċta mantras kontrihom meta jitlob. U ngħatajt ukoll werqa mill-Bodhi Tree oriġinali.

Illum nista’ ngħid li kelli x-xorti nkun preżenti fl-art imqaddsa tal-Buddiżmu fejn stajt nifhem aktar dwar din ir-reliġjon jew kif jogħġobni nsejħilha aktar bħala stat ta’ ħajja. Illum inħossni ftit aktar għaref mill-bieraħ.

Kif kont hemm ħaduna wkoll għall-akbar avveniment tal-Hindu li hi l-aktar reliġjon antika fid-dinja. Varanasi fejn jagħtu qima lix-xmara Ganges li jsejħulha bħala Mama Ganga (omm ix-xmajjar kollha) għax għandha parti minnha fejn il-kurrent jitla ’l fuq u ma jinżilx ’l isfel. Skont ir-reliġjon tal-Hindu kulmin jirnexxilu jitfa’ l-irmied tal-mejjet tiegħu fix-xmara Ganges, ir-ruħ tistrieħ u ma tibqax tiġi ri-inkarnata iżjed. Barra hekk jekk fit-tlugħ ix-xemx titfa’ fjura b’xemgħa matul ix-xmara tkun tista’ tibgħat messaġġ lil xi ħadd li jkun mietlek. U jien bgħatt messaġġ lil missieri waqt li qabżitli demgħa sellejt għalih minn fuq ix-xmara Ganges.

Hawnhekk eluf ta’ Indjani tarahom jagħtu ġieħ lix-xmara u lil alla Vishnu li skont huma Buddha hu d-disa’ inkarnazzjoni tiegħu (għalhekk il-Buddisti u l-Hindu jgħixu f’armonija bejniethom), Vishnu li hu d-distruttur, l-alla li jiddistruġi l-ħażen.

Insomma li tesperjenza dawn ir-reliġjonijiet u drawwiet f’pajjiż bħall-Indja hi esperjenza memorabbli li tibqa’ ttimbrata fil-memorja tiegħi tul ħajti kollha.

More in Socjali