Waqt l-Omelija fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena soċjali tal-Azzjoni Kattolika, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech jisħaq li m’għandniex nibżgħu noħorġu l-ġdid mill-qadim.
“Illum aħna lesti nħallu lil Alla jissorprendina bit-tweġibiet tiegħu biex ikellimna b’mod ġdid biex aħna bħala Knisja u bħala Azzjoni Kattolika nkunu nistgħu nagħmlu proposta pastorali li tissorprendi lill-bniedem tal-lum? Huwa fatt li xi drabi aħna ttentati li bħall-Fariżej nippreferu ntennu l-formuli tad-duttrina tal-imgħoddi. Huwa ħafif li quddiem il-ħtiġijiet tal-lum aħna ntennu l-formuli tad-duttrina tal-imgħoddi… li nwieġbu b’espressjonijiet li kienu jaqduna lbieraħ; imma dan ftit li xejn jgħinna nikkomunikaw il-ferħ tal-Vanġelu” qal l-Isqof Grech.
“Xi wħud jistgħu jaħsbu li huwa komdu nirrepetu x’tgħid il-liġi; imma l-kelma tal-liġi għandha qawwa li toqtol l-ispirtu. Nixtieq nara r-reazzjoni tal-Fariżew, għaref tal-liġi, quddiem it-tweġiba tal-Imgħallem. Nistħajlu li bħal xi wħud illum, dan ħaseb li Ġesù ġie biex jeqred il-Kmandamenti u jibdel il-Vanġelu! Mentri bit-tweġiba tiegħu, Ġesù juri x’inhi l-qalb vera tal-Missier u jnaddaf il-messaġġ minn formuli li maż-żmien flok ma swew ta’ strument biex il-bniedem jinħeles, saru piż li jxekklu. Ma għandniex nibżgħu noħorġu l-ġdid mill-qadim”.
Fl-Omelija l-Isqof Grech tkellem ukoll dwar l-imħabba. “Aktar ma nikbru fl-imħabba, aktar naslu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu. Għalhekk ma nistgħu niġġudikaw lil ħadd. Għaliex jista’ jkun li anki min ma jirnexxilux jgħix ħajja li tkun taqbel mija fil-mija mal-Kmandamenti kollha, xorta jkun iħobb lil Alla. Dak li jgħodd mhux kemm nosservaw esternament il-Kmandamenti, imma kemm nippruvaw inħobbu lil Alla. Aħna lkoll prinċipjanti f’dan il-proċess tal-imħabba u għalhekk ma għandniex għax naqtgħu qalbna, anki jekk għalissa ma jirnexxilniex noqogħdu għall-Kmandamenti kollha. L-importanti li nibqgħu nistinkaw biex l-imħabbba timmatura fina tant li naslu biex ħajjitna tkun tirrifletti l-valuri li hemm imħarsa fil-Kmandamenti”.
Grech temm jgħid “L-imħabba taf tkun skandaluża, fis-sens li xi ħadd jista’ jitfixkel meta jara lill-Knisja tħaddan lil kulħadd. Aħjar inkunu ta’ skandlu għaliex inkunu ġenerużi fl-imħabba, milli nagħtu skandlu għaliex nonqsu mill-karità”.