L-organizzazzjonijiet Sedqa u Caritas se jkunu qegħdin jagħmlu diversi programmi u seminars mal-istudenti fl-iskejjel tal-Istat. Dan ħareġ minn tweġiba parlamentari li ta l-Ministru Evarist Bartolo wara mistoqsija mid-deputat Nazzjonalista u kelliem għall-edukazzjoni Joe Cassar.
Bartolo semma li l-ħidma ta’ dawn iż-żewġ għaqdiet se tiffoka fuq il-prevenzjoni fejn Sedqa se tmexxi l-programm BABES fit-tielet sena tal-Primarja kif ukoll seminars għall-istudenti kollha mit-tielet sas-sitt sena tal-Primarja. Qal ukoll li l-Caritas ukoll se tkun qiegħda tmexxi seminars għall-istess studenti fejn fil-Learning Zones se jsir programm ta’ prevenzjoni flimkien bejn is-Sedqa u l-Caritas.
Attivitajiet oħra jinkludu weekend seminars għaż-żgħażagħ organizzat mis-Sedqa, il-Caritas u mill-Agenzija Żgħażagħ flimkien. Dawn kollha se jsiru b’kollaborazzjoni mal-uffiċjali edukattivi u l-għalliema tal-PSCD fid-Direttorat tal-Immaniġjar tal-Kurrikulu (DQSE).
Intant, mistoqsi wkoll mill-istess deputat Nazzjonalista Joe Cassar dwar kemm hi l-popolazzjoni tal-istudenti fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti matul din is-sena skolastika 2014-2015 Bartolo qal li matul din is-sena fl-iskejjel statali hemm 13,673 student fil-primarja u 11,449 fis-sekondarja. Fl-iskejjel tal-Knisja hemm 7,548 fil-primarja u 7,547 fis-sekondarja. Finalment il-Ministru qal li hemm 3,214 studenti fil-primarja fi skejjel indipendenti u 2,261 fis-sekondarji ta’ dawn l-istess skejjel.