1,950 anzjan jistennew sodda

Il-Gvern jeħtieġ li jimpenja ruħu aktar biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ sodod għall-anzjani - Clyde Puli

“Eluf ta’ anzjani qed jissieltu biex ikampaw għal rashom u l-Gvern jeħtieg jaġixxi”
“Eluf ta’ anzjani qed jissieltu biex ikampaw għal rashom u l-Gvern jeħtieg jaġixxi”

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari mressqa minn Clyde Puli f’isem l-Oppożizzjoni dwar kemm hemm anzjani fuq il-listi ta’ stennija biex jidħlu f’dar tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia qal li bħalissa hemm total ta’ 1,950 jistennew li jinstabilhom post f’xi waħda mid-djar residenzjali f’pajjiżna.

Mitlub jikkummenta minn din il-gazzetta fuq dan l-ammont ta’ anzjani l-kelliem Nazzjonalista Clyde Puli qal li dan juri biċ-ċar li l-Gvern jeħtieġ li jimpenja ruħu aktar biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ sodod għall-anzjani. 

“Jeħtieġ li l-Gvern ikun kommess li jinvesti f’aktar sodod f’San Vincenz de Paule iżda wkoll f’aktar residenzi bħal dawk tal-Imsida, tal-Mellieħa u taż-Żejtun li jagħtu opportunità lill-anzjani li jibqgħu viċin il-komunità li trabbew fiha.” Puli qal ukoll li l-Gvern ma jistax jilqa’ għall-isfida li għandu billi jagħti każ biss tal-problemi ta’ kwantità u jinjora l-kwalità ta’ servizz li jixraq jingħataw l-anzjani. 

Puli żied jgħid “Din il-ġimgħa stess f’mistoqsija parlamentari oħra li għamilt jien kxift nuqqas gravi f’dan ir-rigward. Matul is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 130 mediċina out of stock f’San Vincenz de Paule. Mediċina minnhom li n-nuqqas tagħha jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-anzjan li għandu bżonnha damet nieqsa għal iżjed minn 80 ġurnata.”

Puli temm jgħid li l-Gvern jeħtieġlu jħares dwar kif ma jżidx id-domanda bla bżonn. “L-isfida ta’ pensjonijiet mhux adekwati u l-faqar fost l-anzjani mhumiex jiġu indirizzati bis-serjetà minn dan il-Gvern. Matul is-sena 2013 21.7% tal-anzjani kienu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, 21.3% tal-anzjani ma kienx jifilħu jħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż mhux ippjanati jekk dawn jaqbżu l-€450 filwaqt li 23.5% tal-anzjani ma kinux jaffordjaw isaħħnu d-djar tagħhom b’mod adekwat. Dan ifisser li eluf ta’ anzjani qed jissieltu biex ikampaw għal rashom u l-Gvern jeħtieg jaġixxi.”

Tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar l-ammont ta’ anzjani li hemm fuq il-listi ta’ stennija u tlabniha tispjega x’inhu jsir sabiex tissolva din il-problema. Hija spjegat li dan in-numru jinkludu talbiet li jmorru lura għal diversi snin. Fl-istess waqt però assigurat li dan il-Gvern kommess li jindirizza din il-ħtieġa. “In-numru ta’ sodod diġà żdied bi kważi 600 u se jkompli jiżdied fix-xhur li ġejjin. Ninsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex inqas nies jirrikorru għad-Djar tal-Anzjani u dan qed isir billi qed jiżdiedu u jissaħħu s-servizzi mogħtija fil-komunità” qalet Caruana.

Meta mistoqsija speċifikament dwar dawk li ilhom xhur twal jistennew li jinstabilhom post, Caruana qalet “Fil-fatt xi ħaġa ġdida li bdejna nagħmlu f’dawn l-aħħar ġimgħat hija li bdejna nduru n-nies li qegħdin fil-lista ta’ stennija biex naraw kif nistgħu nassistuhom b’servizzi oħra waqt li jkunu qed jistennew is-servizz residenzjali. Dan ix-xahar ukoll żidna bi tliet darbiet aktar is-sodod tar-Respite li permezz tagħhom inkunu qed inserrħu għal ftit ġimgħat lill-familjari li jieħdu ħsieb il-persuni anzjani filwaqt li introduċejna wkoll is-servizz tal-outreach f’erba’ lokalitajiet biex is-social workers tagħna jmorru għand l-anzjani u jaraw il-bżonnijiet tagħhom.” 

Is-Segretarju Parlamentari qalet li mill-ewwel indikazzjonijiet li għandu s-segretarjat jidher li dan hu proġett li sejjer tajjeb ħafna u għalhekk qed ikun studjat il-proċess ta’ kif jista’ jiżdied. Hi temmet tgħid li filwaqt li hu tajjeb li nemfasizzaw fuq il-bżonn ta’ żieda ta’ sodod importanti wkoll li tingħata wkoll attenzjoni xierqa fuq il-kwalità tas-servizz offrut lill-anzjani.

More in Socjali