Il-Casino Notabile se jiġi rrestawrat

Casino Notabile fejn ħabbar li din il-ġawhra arkitettonika fl-entrata tal-Imdina se tkompli tikkumplimenta x-xogħol ta’ restawr li sar u li qed isir fuq l-iswar tal-istess belt

€400,000 mill-Fond Ewropew se jkunu ddedikati għal dan ir-restawr
€400,000 mill-Fond Ewropew se jkunu ddedikati għal dan ir-restawr

“Ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Casino Notabile se jibdew dalwaqt u dan ix-xogħol se jkun possibbli permezz ta’ allokazzjoni ta’ madwar €400,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u Fondi Ewropej, Dr Ian Borg waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Casino Notabile fejn ħabbar li din il-ġawhra arkitettonika fl-entrata tal-Imdina se tkompli tikkumplimenta x-xogħol ta’ restawr li sar u li qed isir fuq l-iswar tal-istess belt.

Borg saħaq kif matul is-snin kien hemm diversi proposti dwar kif il-Casino Notabile għandu jiġi riġenerat, b’diversi persuni u entitajiet jaqsmu l-ħsieb tagħhom dwar għalxiex għandu jibda jintuża. “Minħabba l-problemi li hemm fl-istruttura attwali tiegħu, l-ideat ta’ dawn in-nies s’issa qatt ma setgħu jiġu materjalizzati iżda b’dan l-investiment u wara ħafna stennija dan il-wirt arkitettoniku se jkun restawrat kif jixraqlu post bħal dan” tenna s-Segretarju Parlamentari.

Minn naħa tiegħu s-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca esprima s-sodisfazzjon tiegħu li, wara stennija twila li ilha numru ta’ snin, dan il-proġett sa fl-aħħar se jsib il-finanzjament neċessarju mill-Gvern ċentrali sabiex din il-binja storika terġa’ tingħata l-ħajja.

More in Socjali