L-ekonomija ħadra għadha ambigwa f’pajjiżna

Brincat qal li l-ħtieġa ta’ flessibilità sħiħa fl-ekonomija Maltija bl-ebda mod ma tnaqqas l-impenn favur ekonomija li tirrispetta l-ambjent. 

L-inizjattivi kollha se jgħaddu minn evalwazzjoni - Leo Brincat
L-inizjattivi kollha se jgħaddu minn evalwazzjoni - Leo Brincat

“Se jkun hemm għarbiel ekonomiku għal pjan strateġiku dwar il-green jobs” dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jiftaħ konferenza tal-Malta Green Management and Alternative Energy dwar it-tkabbir tal-hekk imsejħa “ekonomija ħadra.”

Brincat qal li l-ħtieġa ta’ flessibilità sħiħa fl-ekonomija Maltija bl-ebda mod ma tnaqqas l-impenn favur ekonomija li tirrispetta l-ambjent. 

“L-inizjattivi kollha se jgħaddu minn evalwazzjoni ekonomika biex jinstab x’kontribut dawn jagħtu lill-ekonomija. Fl-istess ħin se jkun eżaminat il-potenzjal ta’ dawn l-inizjattivi dwar kemm se joħolqu impjiegi u kemm se jitkejjel l-impatt tal-implimentazzjoni tagħhom u ħiliet li l-pajjiż jistenna f’dawn it-tip ta’ impjiegi” qal il-Ministru. Qal ukoll li fi tmiem ta’ dan il-proċess, il-Gvern se jkun f’qagħda li jfassal miżuri regolatorji, fiskali u ta’ ppjanar li primarjament għandhom l-iskop li jistimulaw it-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra u x-xogħol.

Brincat kompla jgħid “Id-definizzjoni ta’ “impjiegi ħodor”, kemm f’Malta kif ukoll fuq bażi internazzjonali, għadha vasta u ambigwa. L-uniku studju biex jevalwa l-qies u n-natura tal-industrija Maltija tal-manifattura u s-servizzi f’Malta f’termini ta’ impjiegi ambjentali, jmur lura għall-2007. Għalhekk l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qed jagħmel studju ieħor aktar xjentifiku u skont il-klassifikazzjoni tan-NACE. Dan ma jfissirx li sakemm isir dan l-istudju ma jittieħdux miżuri identifikati fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2014.”

Huwa saħaq li għall-kuntrarju, l-oqsma l-aktar importanti bħall-enerġija, l-bidla fil-klima, it-trasport, l-iskart, l-ilma u x-xiri ta’ prodotti mill-Gvern li jmorru favur l-ambjent ilhom li ddaħħlu fil-proċessi li se jbiddlu l-mod tal-konsum u li jħallu aktar effiċjenza.

Brincat temm jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem kemm-il darba f’okkażjonijiet pubbliċi dwar l-impenn ta’ Malta li jkollha low carbon economy. “Issa huwa ż-żmien li nuru bil-provi l-impenn kollettiv tagħna li niksbu l-benefiċċji ta’ aktar effiċjenza tar-riżorsi disponibbli.” 

More in Socjali