Il-vatikan ikkundanna d-deċiżjoni tal-pazjenta tal-kanċer li fi tmiem il-ġimgħa ddeċidiet li tmut b'dinjita billi ħadet pillola li biha mietet.
Brittany Maynard ta' 29 sena minn Oregon f'Jannar li għadda kienu sabulha tumur qerriedi f'moħħha u qalulha li għandha biss madwar sitt xhur ħajja.
Brittany iddeċidiet li tagħżel hi meta tmut u dan il-fatt qajjem kontroversja sħiħa dwar l-ewtanasja meta din qalet li trid tmur fl-età ta' 29 sena. Fil-fatt hi mietet fid-dar tagħha wara li ħadet pilloli letali preskritti legalment mit-tabib tagħha.
Hi għamlet minn kollox biex tipprova tfejjaq dan it-tumur fejn anke ppruvaw inneħuhulha permezz ta' operazzjoni li falliet. Minn hawn Brittany ddeċidiet li ma tippruvax iżjed.
Monsinjur Injazju Carrasco de Paula il-kap tal-akkademja tal-ħajja qal, "din il-mara ħasbet li se tmut b'dinjita, iżda hi ferm żbaljata. is-suwiċidju mhux xi ħaġa tajba, is-suwiċidju hi xi ħaġa negattiva għax qed iwassal messaġġ, le għal ħajja u le għal missjoni tagħna f'din id-dinja." Hu kompla jgħid li hu mhux qed jiġġudika l-individwu iżda l-azzjoni nnifisha.