Is-sitwazzjoni tat-traffiku tkompli tiggrava

Sewwieq bla paċenzja saq vann fuq bankina

Triq li tagħti għal San Ġwann bit-traffiku wieqaf. Ritratt John Pisani
Triq li tagħti għal San Ġwann bit-traffiku wieqaf. Ritratt John Pisani

Is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta, b’mod speċjali fis-sigħat ta’ filgħodu, din il-ġimgħa komplew jiggravaw bl-għeluq ta’ parti mit-triq qrib ir-roundabout ta’ Ħal Lija.

Vjaġġ mill-Mosta sa San Ġwann, li normalment jieħu inqas minn 20 minuta, dalgħodu sewwieqa damu aktar minn siegħa u nofs. Filwaqt li x-xogħol infrastrutturali li hemm bżonn isir, għandu jsir, hemm bżonn ta’ aktar Pulizija fit-toroq biex jevitaw ħafna nuqqassijiet minn xi sewwieqa irresponsabbli.

Dalgħodu stess ILLUM osserva vann Citroen Berlingo abjad li kien qed jinsaq fi Vjal il-21 ta’ Settembru fin-Naxxar li s-sewwieq, biex ma jistennix bħal kull sewwieq ieħor, saq fuq il-bankina wiesgħa li hemm fuq ix-xellug fid-direzzjoni taċ-ċentru tan-Naxxar. B’xorti tajba ma kien hemm ħadd miexi fuq il-bankina fosthom ġenituri bit-tfal. Dan is-sewwieq reġa’ saq fit-triq wara li qabeż tliet karozzi.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalulna li l-maġġoranza tal-Pulizija tat-Traffiku qegħdin ikunu aktar konċentrati fin-naħa t’isfel ta’ Malta fosthom il-Marsa,  Ħal Luqa, Santa Luċija, Raħal Ġdid u l-inħawi filwaqt li oħrajn lejn Triq il-Kosta u minħabba x-xogħol li qed isir f’Ħal Lija kien hemm preżenza tal-Pulizija fl-Iklin. Pulizija oħrajn kienu qrib ir-roundabout tal-Kappara u anke kien hemm Pulizija tad-Distrett f’postijiet oħrajn.

Ħafna sewwieqa, iżda nnuttaw li lejn il-Mosta, Naxxar u San Ġwann in-nuqqas ta’ Pulizija qed jinħass ħafna. L-unika Pulizija li stajna naraw dalgħodu kienet Pulizija mara fi Triq tal-Labour u Vjal il-21 ta’ Settembru fin-Naxxar.

L-istess sorsi saħqu li Transport Malta tibgħat ukoll uffiċjali minn tagħha biex jassistu, iżda ħafna minn dawn mhumiex imħarrġin fil-kontroll tat-traffiku u kien hemm rapporti li dawn dehru aktar iħarsu lejn it-traffiku milli jidderieġu t-traffiku. F’diversi postijiet kellhom ukoll imorru l-Pulizija fl-istess post fejn kien hemm l-uffiċjali ta’ TM.

More in Socjali