Iwieġeb is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes
B’referenza ghall-istorja ‘Sitwazzjoni Mweghra ghas-Sajjieda Xlukkajri’ li dehret fuq il-portal taghkom, is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jixtieq jikkjarifika li l-proġett tal-Breakwater fil-port ta’ Marsaxlokk miexi l’quddiem u bħalissa qiegħed quddiem il-MEPA. Il-proċess wasal fl-istadju li qed jitħejja l-Environmental Impact Assessment. Dan hu gvern li hu kommess li jtejjeb is-sitwazzjoni tas-sajjieda u jwettaq dak li twiegħed lilhom.
Aktar Kmieni
Dal-lejl is-sitwazzjoni twegħret aktar, x'ħin fil-Magħluq ta' Marsaxlokk, biċċa minn pontoon u skuna kbira tqaċċtu mill-ktajjen u marru fuq dgħajjes oħra. Kienu xi erbgħin sajjied li tqabdu bla heda matul il-lejl biex jevitaw il-ħsarat imma minkejja dan xi wħud minnhom spiċċaw b'partijiet tad-dgħajjes tagħhom imkissra. Barra l-ispejjes kbar biex isewwu dawn is-sajjieda ħa jitilfu x-xogħol sakemm jerġa jkollhom id-dgħajjes tagħhom kapaċi għall-baħar.
Sajjieda qalulna li jittamaw li xi hadd jiċċaqlaq u jibda jieħu ħsieb dawn il-problemi.
Aktar kmieni
"Wara l-kedda li ħadu l-ġimgħa li għaddiet, is-sajjieda Xlukkajri sabu ruħhom fl-istess sitwazzjoni llum, bil-baħar dieħel bil-qilla tiegħu, jrid jibla l-art" hekk qalulna sajjieda Xlukkajri li kkuntattjawna dalgħodu. Kemm id-dgħajjes fil-baħar u kemm dawk li ttellgħu l-art għal manutenzjoni, spiċċaw mhedda mill-qilla tal-baħar. Xi dgħajjes żgħar fuq l-art tkaxkru u marru fuq ġenb u oħrajn kbar kellhom jiġu mħażżma u jintrabtu bili ħbula biex ma jinqalbux u jitkissru bil-mewġ li tela' għalihom.
Fil-post suppost kenni, magħruf bħala l-Magħluq, il-bastimenti l-kbar u diversi laneċ u luzzijiet xorta kienu fil-periklu. Bosta sajjieda kellhom iżidu aktar ħbula u fenders biex jevitaw li d-dgħajjes jaħbtu ma' xulxin u jispiċċaw bi ħsarat kbar.
Is-sajjieda qed jilmentaw u jħossuhom irrabjati għax ilhom wisq isofru minn sitwazzjonijiet bħal dawn, kaġunati mill-iżvilupp li sar fil-port ta' Marsaxlokk b'konnessjoni mal-Freeport u l-Power Station ta' Delimara. Huma jridu li l-breakwater ma jibqax aktar wegħda imma jinbena verament għax ma jridux li dak kollu li ħadmu għalih jitkisser u jsirilhom suf.
Għalhekk is-sajjieda Xlukkajri qed jappellaw lil gvern biex jindirizza din il-problema fil-baġit li ġej.