It-traffiku u l-immigrazzjoni jolqtu fil-laħam il-ħaj
Kien hemm tnaqqis qawwi tat-tħassib dwar ix-xogħol fejn minn 21%, niżel għal 7%
More in Socjali
Kien hemm tnaqqis qawwi tat-tħassib dwar ix-xogħol fejn minn 21%, niżel għal 7%
It-traffiku sar l-ikbar tħassib fost il-poplu hekk kif żdied b’16-il punt minn Marzu li għadda hekk kif tela’ għal 23% minn 7% f’Marzu. Dan deher fi stħarriġ li sar mill-MaltaToday li wera li b’din iż-żieda fit-tħassib dwar it-traffiku, l-immigrazzjoni ma baqgħetx l-akbar punt ta’ tħassib. Minkejja dan, it-tħassib dwar l-immigrazzjoni għola xorta b’erba’ punti.
Deher li l-aktar faxxa ta’ nies li semmew l-immigrazzjoni bħala problema kienu dawk ta’ bejn it-18 u l-34 sena. Dawn semmew ukoll it-traffiku bħala l-ikbar problema għalihom flimkien mal-immigrazzjoni. Il-votanti li għandhom aktar minn 55 sena kienu l-inqas li semmew it-traffiku u l-immigrazzjoni bħala problema għalihom iżda semmew l-għoli tal-ħajja. Filwaqt li dawk ta’ bejn il-35 u l-54 sena wrew it-tħassib tagħhom fuq iż-żieda tal-COLA u s-sitwazzjoni tal-qgħad.
Fl-istħarriġ dehret differenza bejn dawk li attendew l-Università u dawk b’edukazzjoni post-sekondarja fejn 11% biss minn dawk li attendew l-Università kienu mħassba dwar l-immigrazzjoni, problema li ssemmiet f’29% ta’ dawk b’edukazzjoni post-sekondarja però kienet inqas fost dawk b’edukazzjoni primarja u sekondarja. Din il-kwistjoni baqgħet fuq nett tal-lista tat-tħassib tal-votanti Laburisti b’29% u 31% ta’ dawk li vvutaw PN fl-2008 imma vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni. Dan għalkemm naqas l-ammont ta’ immgranti li waslu Malta grazzi għall-proġett Mare Nostrum li issa m’għadux fis-seħħ.
Minn Ġunju tal-2013, din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni żdiedet b’19-il punt wara li l-Gvern ma wettaqx it-theddida tal-push-back lura lejn il-Libja. Minn dak iż-żmien, il-Gvern beda jitkellem b’mod aktar uman fil-konfront ta’ dawn l-immigranti u ffoka fuq l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà.
Min-naħa l-oħra, il-votanti tal-PN huma aktar imħassba fuq kwistjonijiet bħall-enerġija u x-xogħol bi 17% kif ukoll it-traffiku. Il-kwistjonijiet tal-enerġija u x-xogħol dehru l-aktar fost dawk ta’ edukazzjoni primarja u sekondarja.
It-tħassib dwar l-għoli tal-ħajja, 7,2% żdied bi ftit fuq Marzu li għadda meta tkellmu dwar iż-żieda proposta għall-għoli tal-ħajja (COLA) ta’ 58c. Il-votanti Laburisti huma mħassba daqs dawk Nazzjonalisti dwar iż-żieda tal-COLA ta’ 58c kif inhi proposta, bi 8% tagħhom juru t-tħassib tagħhom dwarha. Kienu l-aktar li tkellmu dwar il-COLA dawk ta’ livell ta’ edukazzjoni primarja waqt li dehret l-inqas fost il-gradwati.
Minħabba l-kwistjoni dwar id-dewmien fil-powerstation, it-tħassib dwar kwistjonijiet tal-enerġija żdiedu għal 7% minn 3% f’Marzu li għadda. Il-votanti li biddlu minn PN għal PL fl-aħħar elezzjoni wrew it-tħassib tagħhom fuq il-kwistjoni tal-enerġija, b’19% tagħhom jsemmu dan il-punt.
Il-votanti Nazzjonalisti huma l-aktar li juru t-tħassib tagħhom dwar l-ambjent b’ 7% meta mqabbla mat-3% tal-votanti Laburisti waqt li l-ebda switcher ma tkellem dwar dan. Dwar l-ambjent, it-tħassib li l-aktar li kien dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp, niżel b’4 punti waqt li għall-ewwel darba, 4% tkellmu dwar it-tħassib fit-tnaqqis tal-bejgħ fil-ħwienet.
Kienu biss 6% u 5% ta’ dawk li wieġbu li semmew it-toroq u t-trasport pubbliku bħala problema rispettivament u kienu 30% dawk li semmew minn ta’ lanqas sitwazzjoni waħda relatat mat-trasport. It-tħassib dwar it-traffiku deher f’kull faxxa tal-edukazzjoni però hija l-akbar fost dawk ta’ edukazzjoni post sekondarja u l-inqas fost dawk ta’ livell ta’ edukazzjoni primarja li ġeneralment huma nies ta’ età kbira.
Fl-istess waqt, kien hemm tnaqqis qawwi tat-tħassib dwar ix-xogħol fejn minn 21%, niżel għal 7%.