Il-Knisja tiddistakka ruħha mill-komunità LGBTI
Waslet is-serata tal-unuri għall-komunità LGBTI u matul din il-ġimgħa għadhom kif ġew imħabbra n-nominati li magħhom ħolqu diversi reazzjonijiet minn persuni diversi.
minn Staff Reporter
Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) bagħtet lista tal-persuni li ġew innominati nhar it-Tnejn li għadda filgħodu. Iżda l-iktar persuna li qajmet kontroversja kien l-Isqof Scicluna li kien fost iż-żewġ nominati fil-kategorija tal-persuni reliġjużi.
Fl-istess kategorija kien hemm Patri Mark Montebello.
Kemm Patri Mark Montebello u anke l-Isqof Charles J. Scicluna ma laqgħux in-nomina għall-unuri tal-komunità LGBTI. B’hekk Gabi Calleja, li tkellmet f’isem l-MGRM qalet li l-unur mhux se jingħata.
L-ILLUM staqsa lill-MGRM dwar dawn in-nominazzjonijiet u kif intgħażlu. In-nominazzjonijiet ġew magħżula kemm mill-pubbliku u anke mill-kumitat.
Forsi l-mistoqsija fuq fomm kulħadd kienet, kif il-komunità LGBTI waslet biex tinnomina membri mill-Knisja meta nafu li l-Knisja tkun minn ta’ quddiem biex ma tippromoviex iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess u iktar u iktar adozzjoni minn dawn il-koppji.
Rigward dan, l-MGRM qalet li l-ispiritwalità u r-reliġjon għandhom impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ persuni LGBTI daqs ta’ dawk eterosesswali. “Aħna b’hekk ħassejna li nappoġġjaw l-isforzi ta’ dawn il-persuni u forsi anke nuru lill-organizzazzjonijiet spiritwali u reliġjużi kif jistgħu wkoll jibnu relazzjoni mal-komunità LGBTI.”
Rigward il-każ ta’ Scicluna nnifsu, l-MGRM qalet li Scicluna rċieva ammont ta’ voti minn dawk li vvutaw online u anke dawk fil-kumitati. “Fl-aħħar reviżjoni tagħna biex nagħżlu lin-nominati ma stajnix neskludu lil Scicluna għal żewġ raġunijiet. L-ewwel li nżommu mal-integrità tal-proċess u nirbħu l-fiduċja tal-votanti u t-tieni hi li r-raġunament provdut minn dawk li nnominawh kien validu. Barra minn hekk rajna titjib fil-kwalità u t-tonalità tal-komunikazzjoni mill-Knisja b’mod speċjali fuq kwistjonijiet li jaffettwaw direttament lill-komunità LGBTI. Aħna nilqgħu dan it-titjib u b’hekk ridna li anke ninnominaw persuni mill-Knisja biex nuru l-aprezzament tagħna għall-ftuħ tagħhom.
Tajjeb wieħed jgħid li l-Isqof Scicluna, nhar il-Ġimgħa filgħaxija m’aċċettax in-nomina mill-MGRM. Ir-raġuni li ta kienet “Jien ma rridx niġi nnominat u lanqas nirbaħ unur ta’ xi ħaġa li hija xejn iktar minn xogħli. Dak li nagħmel hu biss parti minn xogħli u ma naħsibx li ħaqqni unur għal dan.”
Iżda x’inhi l-vera opinjoni tal-MGRM fuq il-Knisja Kattolika
Aħna nifhmu li l-Knisja Kattolika hija l-ikbar fornitur ta’ servizzi relatati mar-reliġjon f’Malta. Il-Knisja hija wkoll edukatur ta’ 35% tat-tfal f’Malta u anke tipprovdi servizzi soċjali lit-tfal, żgħażagħ u anzjani, għalkemm hi istituzzjoni li għandha difetti kbar, tagħmel ukoll il-ġid.” Karatteristika pożittiva li l-MGRM rat fil-Knisja hija li nfetħet għal studji xjentifiċi u issa aċċettat u fehmet kwistjonijiet li qabel kienet topponi. “Illum il-Knisja qed tifhem li, li tkun omosesswali hija karatteristika naturali bħalma ma huma pereżempju l-għajnejn blu fil-bnedmin. Hija biss xi ħaġa differenti, iżda xejn kontra n-natura.”
L-MGRM ħadu din l-opportunità biex anke jistiednu lill-Knisja għad-djalogu biex jaffaċċjaw problemi li qed niltaqgħu magħhom illum, b’mod speċjali l-bulliżmu instigat minn omofobija fl-iskejjel tal-Knisja.
L-ILLUM tkellmet ma’ persuni diversi, uħud minnhom mill-komunità LGBTI u talbet ir-reazzjoni tagħhom dwar dawn in-nomini.
Chucky Bartolo
L-idea li nippremjaw persuni li ħadmu għal ġid tal-komunità LGBTI, (eżempju għax-xogħol kollu li sar għall-ugwaljanza), hija waħda tajba ħafna. Anzi, jiena naħseb li f’dawn iż-żminijiet ta’ bidla, ir-rikonoxximent tax-xogħol li qed isir minn wara l-kwinti għandu jkun ta’ importanza.
Madankollu qed jidher ċar li dawn l-LGBTI Awards mhumiex se jkollhom il-prestiġju li ħaqqhom. Minflok se jkollna kompetizzjoni tal-popolarità, fejn ix-xogħol tant importanti ta’ ċertu nies qed jiġi mħallat mal-isbaħ proponiment. U anka jekk ninsew għall-mument li dan l-avveniment qed jiġi deskritt bħala “Eurovision style” (li hija ħaġa diffiċli li tinsiha) il-fatt li Charles Scicluna ġie nominat wara li ħadem b’mod estensiv kontra l-ugwaljanza, juri ċar kemm dawn l-unuri mhumiex hemm biex jirrikonoxxu lil dawk li ħaqqhom.
Paul Caruana Turner
Hekk kif kont qed nifli l-lista tal-ismijiet tan-nominati quddiemi nagħraf għadd ta’ nies li kkontribwew u ħadmu bis-sħiħ fil-mixja biex ksibna l-ugwaljanza jew id-dritt taż-żwieġ ċivili.
L-iktar li jolqtuni huma Gabi Calleja, Neil Falzon, Luisa Tolu u Mina Tolu li bla dubju tistħoqqilhom in-nomina. Minħabba li ftit jew wisq ħdimt ma’ dawn in-nies nista’ naħlef għad-dedikazzjoni tagħhom u ferħan li x-xogħol siewi li jagħmlu qed ikun rikonoxxut.
Fr Montebello wkoll inħoss li kienet tistħoqqlu n-nominazzjoni għax ħadem għal ħafna snin biex tinkiseb l-ugwaljanza.
Bħala reliġjuż kienet tkun eħfef għalih kieku ma esprima l-ebda opinjoni pubblika fuq il-biċċa, imma għall-kuntrarju, qatt ma beża’ jistqarr fehemtu.
Mill-banda l-oħra urtani daqsxejn l-isem tal-Isqof Charles J Scicluna fuq il-lista. Dan kien sa mill-bidu jisħaq li ż-żwieġ ċivili m’hemmx postu fis-soċjetà Maltija. Imma forsi xi ħadd ried jinnominah biex jiċċajta…
Keith St. John
Personalment ma naqbilx mad-deċiżjoni tal-MGRM li jinnominaw membri tal-Knisja, imma minn naħa l-oħra hija wkoll pass għaqli biex l-MGRM u l-Knisja jinsew id-differenzi bejniethom u jaħdmu flimkien b’risq il-komunità LGBT, li ħafna minnhom huma Kattoliċi. Meta l-Isqof irrifjuta din in-nomina tilef kull ċans li juri li hu lest biex jimxi ’l quddiem u verament jaċċetta lil kulħadd fi ħdan il-Knisja.
Sinead Mayler
Jiena bħala tfajla eterosesswali ma nistax nifhem kif l-Isqof m’aċċettax li l-komunità LGBTI għamlitlu għall-unur. Kieku jiena kont hu, kont inkun ferm sodisfatta u kuntenta li s-soċjetà LGBTI jixtiequ jinnominawni għal dan l-unur. Irridu naċċettaw li din hija s-sena 2014, l-affarijiet qed jinbidlu u ma jistax ikun nibqgħu qisna għadna nistħu nirrapreżentaw lil kulħadd.
In-Nominati
Sportiv - Luke Dimech, Sue Abela
Umanitarju - Gabi Calleja, Neil Falzon
Mix-xena tal-ispettaklu - Joseph Calleja, Ira Losco
Reliġjuż - Bishop Scicluna, Fr. Mark Montebello
Politiku - Helena Dalli, Joseph Muscat
Ġurnalist - Raphael Vassallo, Ariadne Massa
Min jimpjega - NetEnt, Radisson Hotels
Proponiment - Darren Anthony Galea, Beverley Abela
Student - Mina Tolu, Luisa Tolu
Ġenitur - Mr & Mrs Leslie Sammut, Angele Licari