Novembru, ix-xahar biex inrawmu kuxjenza fuq il-kanċer fost l-irġiel

L-ILLUM għamlet l-istħarriġ tagħha u sabet li fl-2012 kien hawn 881 każ ta’ kanċer fl-irġiel li jibdew minn subien ta’ għaxar snin

Il-kanċer fit-testikoli huwa l-iktar kanċer komuni fost l-irġiel bejn il-15 u 53 sena
Il-kanċer fit-testikoli huwa l-iktar kanċer komuni fost l-irġiel bejn il-15 u 53 sena

Bħalma Ottubru hu ddedikat lill-kanċer tas-sider u naraw ħafna ċfuf roża biex iqajmu kuxjenza dwar din il-marda qerrieda, Novembru hu ddedikat lill-kanċer fuq l-irġiel b’mod speċjali dak tal-prostata u dak testikulari, iżda ftit li xejn naraw ċfuf ċelesti. 

L-ILLUM għamlet l-istħarriġ tagħha u sabet li fl-2012 kien hawn 881 każ ta’ kanċer fl-irġiel li jibdew minn subien ta’ għaxar snin. Minn dawn it-881 każ, iktar minn nofshom, total ta’ 487 mietu, tlieta minnhom taħt l-24 sena. Minnhom kien hemm 163 każ ta’ kanċer fil-prostata li 33 minnhom tilfu l-battalja mal-marda. 

L-ILLUM tkellem ma’ Andrew Grech li kien vittma tal-kanċer fit-testikoli fejn tkellem dwar l-esperjenza tiegħu.

“Jien bniedem minn dawk li jibqa’ jippostponi l-vista tat-tabib. Kien l-20 ta’ Lulju 2012 meta mort għand it-tabib tal-familja għax deherli li r-riħ li kelli kien niżilli għal sidri, l-istess bħalma kelli ftit ġimgħat qabel. Waqt li kont hemm semmejtlu li qed inħoss uġigħ f’riġlejja tax-xelluġ, bħal nerv miġbud li xi drabi qas kien iħallini noqod bilwieqfa sew. Kont ili sejjer hekk għal xahar sħiħ u qatt m’għamilt xejn dwarha. 

Kont anke nnuttajt li kienet kibritli waħda mit-testikoli u anke ħassejta misluħa għal xi żmien. It-tabib qalli li kelli jew infezzjoni jew tumur. Sa ħames minuti wara ġejt eżaminat u qaluli mill-ewwel li kelli kanċer testikulari.

L-għada kellna niċċelebraw għeluq snin it-tifla, marti kienet tassew imħawda wara li kienet għaddiet minn żewġ każijiet fil-familja tagħha. Jien pruvajt inżomm kalm kemm jista’ jkun u pruvajna nieħdu pjaċir f’għeluq snin binti. 

Fl-14 t’Awwissu ġie konfermat li għandi kanċer fi stadju 2. Tkellimna dwar il-kimoterapija u t-trattament inġenerali tal-marda. Kien żmien ikrah ħafna, qatt ma bsart kemm hi kiefra l-kimoterapija. Waqagħli xagħri. Marti kienet dejjem maġenbi, lejl u nhar.

L-infermiera li kelli miegħi kont narahom qishom anġli kienu tassew jieħdu ħsiebi. 

Fil-5 ta’ Diċembru 2012, erġajt għamilt pet CT Scan u ngħatajt l-aħbar li kollox kien sew. “All clear” qaluli. U issa nista’ ngħid li ili minn dakinhar ħieles minn dik il-marda qerrieda. Kull tliet xhur nagħmel testijiet tad-demm u kull sitt xhur immur għal scan biex nara li jekk Alla ħares qatt terġa’ tfiġġ il-marda ninduna biha mill-ewwel.”

Statistika li turi l-ammont ta’ kanċer fl-irġiel f’sena

Taħt il-5 snin: 2 każi / 0 imwiet

5-9: 0 każi / 0 imwiet

10-14: 2 każi / mewta waħda

15-19: 0 każi / 0 imwiet

20-24: 3 każi / 2 imwiet

25-29: 9 każi / mewta waħda

30-34: 13 każ / 3 imwiet

35-39: 18 każ / 6 imwiet

40-44: 16 każ / mewta waħda 

45-49: 24 każ / 7 imwiet

50-54: 43 każ / 19 imwiet

55-59: 85 każ / 39 imwiet

60-64: 119 każ / 60 imwiet

65-69: 158 każ / 72 imwiet

70-74: 122 każ / 59 imwiet

75-79: 125 każ / 77 imwiet

80-84: 87 każ / 64 imwiet

85+: 55 każ / 76 imwiet

Total: 881 każ / 487 imwiet

Kanċer tal-Prostata 

Taħt il-5 snin: 0 każi / 0 imwiet

5-9: 0 każi / 0 imwiet

10-14: 0 każi / 0 imwiet

15-19: 0 każi / 0 imwiet

20-24: 0 każi / 0 imwiet

25-29: 0 każi / 0 imwiet

30-34: 0 każi / 0 imwiet

35-39: 0 każi / 0 imwiet

40-44: 0 każi / 0 imwiet

45-49: każ / 0 imwiet

50-54: 2 każi / 0 imwiet

55-59: 19 każ / 2 imwiet

60-64: 30 każ / mewta waħda

65-69: 37 każ / 3 imwiet

70-74: 26 każ / 4 imwiet

75-79: 25 każ / 5 imwiet

80-84: 13 każ / 5 imwiet

85+: 10 każi / 13 imwiet

Total: 163 każ / 33 mewta

Kanċer testikulari

15-24: 38 każ

25-34: 50 każ

35-44: 43 każ

45-54: 20 każ

55-64: 9 każi

65+: 16 każ

Total: 176 każ / 9 imwiet

Sors: National Mortality Registry, id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Informazzjoni f’Malta

L-informazzjoni meħuda f’Lulju 2014

Il-kanċer fit-testikoli huwa l-iktar kanċer komuni fost l-irġiel bejn il-15 u 53 sena, imma jista’ jixref f’kull età u xorta waħda ftit li xejn inqajmu kuxjenza fuqu. 

Dejjem oqgħod attent għal xi sintomi. Eżamina l-parti tiegħek kull tant żmien. Kellem lit-tabib tiegħek jekk għandek xi dubju u mur għal ultrasound. 

Il-kanċer fit-testikoli jista’ jitfejjaq, ġaladarba jinqabad minn kmieni. Sfortunatament, nofs l-irġiel li jkunu vittmi tal-kanċer testikulari ma jfittux l-għajnuna kmieni biżżejjed minħabba li l-marda tibda tinfirex mingħajr uġigħ ta’ xejn. 

Sintomi tal-kanċer testikulari:

  • Nefqa ta’ kwalunkwe daqs fuq it-testikoli
  • Tikber it-testikola, jew tibdel il-forma jew id-daqs jew xi irregularitajiet oħra
  • Uġigħ jew skumdità fl-iskrotum jew fit-testikoli
  • Uġigħ jew skumdità fin-naħa t’isfel tas-sider jew fid-dahar
  • Tħoss l-iskrotum tqil jew mimli

Intant l-ILLUM ħadet il-kummenti tal-kelliem għas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech u s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne dwar x’qed isir f’Malta dwar it-tipi ta’ kanċer li jolqtu lill-irġiel, b’mod speċjali dawk tal-prostata u dak testikolari. 

Claudio Grech

Kelliem għall-PN dwar is-saħħa

Għalkemm mhux xi żvilupp ġdid, il-kanċer tal-prostata huwa tip ta’ kanċer fl-irġiel li qed ikun hawn ħafna aktar għarfien dwaru. Madankollu, l-għarfien u l-investiment fir-riċerka għadhom lura fuq dan it-tip ta’ kanċer.

Waħda mill-akbar sfidi fil-kanċer tal-prostata hija li għad m’hawnx biżżejjed għarfien ta’ x’jikkawża dan il-kanċer u kif wieħed jista’ jsaħħaħ il-prevenzjoni tiegħu. Għalkemm huwa rikonoxxut li stil ta’ ħajja sana u dieta bilanċjata huma elementi importanti ħafna li jimmitigaw ir-riskju ta’ kanċer tal-prostata aggressiv, jibqa’ l-fatt li m’hemmx evidenza biżżejjed biex tasal għal xi konklużjoni fattwali fuq din il-materja.

“Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa dan il-gvern kienet li jibda joffri servizz ta’ kimoterapija f’Għawdex”

Bħal ħafna kundizzjonijiet oħra, żewġ għodda ewlenin fit-taqbida ma’ dan il-kanċer huma d-djanjożi f’waqtha u r-riċerka aktar iffukata u speċjalizzata fuq il-kawża tiegħu iżda l-aktar importanti fuq it-trattament tal-kanċer tal-prostata, b’mod partikolari għal dawk l-irġiel li l-kanċer tagħhom ikun fi stadju relattivament avvanzat. Fuq skala internazzjonali, fir-riċerka hemm sforz evidenti biex ikun hemm aktar studji dwar il-ġenetika ta’ dawk milquta minn dan il-kanċer sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-karatteristiċi ġenetiċi li jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irġiel li jistgħu jkunu suxxettibbli għar-riskju ta’ dan it-tip ta’ kanċer. Għaldaqstant, fuq livell lokali, minħabba li r-riċerka turi li raġel li fil-familja tiegħu kellu lil missieru jew lil ħuh ibatu minn dan it-tip ta’ kanċer għandu darbtejn u nofs ir-riskju li hu wkoll jispiċċa jkollu dan il-kanċer, mezz effettiv ta’ kif nistgħu nagħmlu differenza hu li jiġi stabbilit programm ta’ screening regolari għal dawn l-irġiel biex b’hekk it-trattament ikun jista’ jinbeda minn kmieni. Dan il-programm jista’ jgħin ukoll biex ir-riċerka lokali tkun tista’ tissaħħaħ biex ikun hemm aktar evidenza ta’ kif dan il-kanċer jaffettwa lill-irġiel Maltin.

Ir-riċerka u l-evidenza li toħroġ minnha huma imprezzabbli.

Chris Fearne 

Segretarju Parlamentari għas-Saħħa

Chris Fearne
Chris Fearne

Matul l-aħħar għoxrin sena l-inċidenza tal-kanċer tal-prostata fost l-irġiel anzjani żdiedet hekk kif kulma jmur l-età tal-popolazzjoni qiegħda dejjem tikber. F’Malta l-kanċer tal-prostata jaffetwa mal-mija u sebgħin raġel fis-sena, li nofshom għandhom aktar minn sebgħin sena.

Bħala parti mill-impenn ta’ dan il-gvern sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk milquta mill-kanċer, waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa dan il-gvern kienet li jibda joffri servizz ta’ kimoterapija f’Għawdex. Issa dan is-servizz se jkompli jiġi estiż biex fi żmien li ġej numru ta’ pazjenti Għawdxin li jbatu mill-kanċer tal-prostata jibdew jingħataw trattament f’Għawdex stess. 

“L-għarfien u l-investiment fir-riċerka għadhom lura fuq dan it-tip ta’ kanċer”

Tajjeb li wieħed jinnota li r-rata ta’ mortalità f’Malta fost dawn l-irġiel hija baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Id-Dipartiment tas-Saħħa jħeġġeġ l-irġiel ta’ bejn il-ħamsin u t-tmenin sena sabiex jagħmlu screening tal-prostata speċjalment dawk li fil-familja għandhom inċidenza ta’ dan it-tip ta’ kanċer. Illum dan l-iscreening huwa parti mis-servizz tas-saħħa.

More in Socjali