Sirna wisq dojoq?

L-opinjoni ta' żewġ ġurnalisti dwar il-lingwaġġ tal-politiċi

“Immaġinaw persuna li għamlet 25 sena taħdem f’burdell u wara se tmur tagħmel operazzjoni biex tirkupra l-verġinità tagħha.” Dan kien fost l-oħrajn il-kliem li l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal waqt attività politika nhar il-Ħadd li għadda. Fuq dawn l-istess kummenti li għadda, Bartolo jgħid li qal dan bħala sens ta’ metafora u jiskanta kif f’ “din l-art ħelwa fejn id-dagħa, il-kliem ħazin u oxen, parti mil-lingwaġġ ta' kuljum iżda mbagħad referenza sesswali fil-pubbliku għadha tabù u tgħidx kemm f'daqqa waħda jinstemgħu jkantaw ixxokkjati kori ta’ anġli skruplużi.”

Dan qalu hekk kif xi jiem wara, id-deputat tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, ressqet ilment uffiċjali mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE). Buttigieg għamlet dan għax qalet li ħasset li l-kummenti li għadda l-Ministru kien sessist u vulgari u li bih, dan il-kumment kien qed jagħmel insult lejn in-nisa kollha. Qalet ukoll ħadd m’għandu jinsulenta u jkasbar lill-nofs il-popolazzjoni biex jiġbor punti politiċi u ħasset ukoll li dwar dan għandha titkellem il-Ministru Helena Dalli għaliex Bartolo abbuża mid-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Kompliet billi qalet li Evarist Bartolo għandu jitlob apoloġija biex ikun iktar ta’ eżempju iktar u iktar minħabba li huwa l-Ministru tal-Edukazzjoni.

Kien hawn min sostna li kummenti bħal dawn minn xi ħadd li hu pubbliku u speċjalment fil-Parlament mhumiex tollerabbli, però min-naħa l-oħra hawn min hu tal-fehma li fil-ġurnata tal-lum, kummenti bħal dawn huma n-norma u m’għandniex nitkażaw għall-kull ħaġa ta’ xejn. Tkellimna ma’ xi opinjonisti dwar x’jaħsbu dwar dan. Wasal iż-żmien li dawn il-kummenti naċċettawhom u nittollerawhom jew dan it-tip ta’ diskors għandu jiġi kkundannat għaliex mhux f’loku?

ANDREW AZZOPARDI

Naturalment, ikun ideali li tali reazzjoni tintalab min-nisa għax jekk kellu joffendi lil xi ħadd b’kumment bħal dan, huma n-nisa li għandhom iħossuhom inġurjati.

Irrid ngħid li meta smajtu jitkellem hekk lil Ministru Bartolo, stona mhux ftit għax jekk kien hemm politiku f’dawn l-aħħar snin li ħares l-interessi tal-gruppi emarġinati fis-socjetà Maltija kien hu. Mhux biss, imma b'mod konkret, ħoloq pressjoni kbira f'ħafna livelli biex isseħħ il-bidla u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-minoritajiet. 

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Bartolo huwa bla dubju ta' xejn konxju wkoll li l-użu tal-lingwa, ħafna drabi, anke jekk b’ċajta jew b’użu metaforiku, jafu jiddevjaw mhux ftit mil-punt ta’ tluq ta’ dak li jkun 'irid jintqal', kif fil-fatt naħseb li ġara f'dan il-każ. Jien bigott m’iniex, imma dan l-eżempju li ntuża mill-Ministru Bartolo jien niddeskrivih 'in bad taste'. 

Il-konklużjoni tiegħi hija li seta’ jgħaddi kumment mod ieħor, imma l-kredenzjali 'inklussivi' ta' dan il-politiku jibqgħu fl-ogħla skaluna għalija.

GODFREY GRIMA

Dan hu eżempju ieħor ta’ ħela ta’ żmien minn politiċi li xogħolhom hu li jiddedikaw l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu għall-ġid tagħna lkoll, mhux jintilfu fi ħmerijiet bhal dawn. Ir-reazzjoni għal dak li qal Evarist Bartolo mhijiex, f'moħħi, reazzjoni għall-eżempju li ġab Bartolo, imma għall-verità li ried jispjega. Jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista, minflok jirrikonoxxi x'ġablu telfa daqstant drammatika, qed jipprova jilgħaba tal-verġni jikkritika lil ħaddieħor meta ma jrid lil ħadd jikkritikah ta’ amministrazzjoni li kienet magħrufa għall-arroganza, għall-korruzzjoni u għall-ineffiċjenza li ftit qabel konna rajna bħala. Kienet amministrazzjoni li ġabet l-istmerrija ta’ eluf kbar ta’ nies. Amministrazzjoni li kienet tagħti l-aħjar pożizzjonijiet fil-pajjiż lil nies tal-Partit, kienet f'idejn numru zgħir ta’ nies li wħud minnhom, bħall-kuntratturi, kienu hemm biss biex jistagħnew, u li fl-istess ħin, kienet tħallas lil numru ta' ġurnalisti, eluf kbar ta’ liri u ewro fis-sena, bħal dawk tal-Where’s Everybody biex ipinġuha bħala verġni meta ma kinitx.

More in Socjali