
Qed tgħib l-użanza tal-kartolini
Fadal anqas minn xahar għall-Milied u kulħadd jibda jew ikompli bil-preparamenti għal din il-festa. Fost dawn il-preparamenti hemm il-kitba u l-impustar ta’ kartolini lil ħbieb u qraba, l-aktar dawk li jgħixu ’l bogħod minn xtutna. Però huwa fatt li dan
l-ammont ta’ kartolini naqas, u naqas ġmielu.
minn Veronica Lynn Mizzi

Id-disgħa ta’ Diċembru jimmarka Jum il-Kartolini tal-Milied li fih jiġi mfakkar Sir Henry Cole, li kien ħoloq l-ewwel kartolina tal-Milied kummerċjali. Ftit ġranet qabel, kien ukoll il-jum li fih l-uffiċċju tal-Prim Ministru nieda l-kartolini tal-Milied għal din is-sena.
Flimkien mal-uffiċju tal-Prim Ministru, il-Marigold Foundation u l-Caritas nedew sett ta’ sitt kartolini tal-Milied li se jintbagħtu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn il-kartolini ntgħażlu permezz ta’ kompetizzjoni li din is-sena kienet miftuħa għal dawk in-nies li għaddejjin mir-riabilitazzjoni mid-droga. Is-sena l-oħra, dawn il-kartolini ġew iddisinjati mit-tfal bl-awtiżmu. Mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat li hi wkoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold qalet li l-fondazzjoni qed tipprova toffri opportunità artistika lil grupp ta’ nies li xi drabi jsibu ruħhom imwarraba mis-soċjetà.
Hekk kif qed jidher li qed jonqos l-ammont ta’ kartolini mibgħuta, parti mir-raġuni ta’ dan, bla dubju huwa l-fatt li n-nies m’għadx għandhom ċans għal dan, kif ukoll l-impatt li qed tħalli t-teknoloġija fuq kollox. Dan għaliex issa, minflok kartolina bil-posta, nibagħtu xi kartolina elettronika jew xi telefonata fuq l-interenet jew xi kumment fuq Facebook. Staqsejna lil xi personalitajiet dwar l-opinjoni tagħhom dwar dan u kif jaħsbuha.
Trevor Zahra

Il-kartolini nħobbhom għal diversi raġunijiet. Qabel xejn, ifakkruni fi tfuliti meta kont nixtrihom biss għalija. Ma kellix lil min nibgħathom, imma kont infaddal biex nixtrihom sempliċement għax jogħġbuni. Illum hawn kartolini tabilħaqq artistiċi u oriġinali. Għadni nħobb nixtri u nibgħat, iżda jiena nkun irrid nibgħathom bil-Malti u għalhekk, dan l-aħħar sirt nistampa kartolini jiena stess. Nemmen li l-Maltin bejniethom għandhom jikkomunikaw bl-ilsien nazzjonali... anki fil-kartolini.
Dwar il-fatt li l-Maltin mhux jibagħtu kartolini daqs kemm kienu fil-passat għax qed jużaw mezzi oħra, nemmen li llum qed ngħixu fl-era diġitali. Il-komunikazzjoni tagħna qed issir aktar b’mod virtwali milli reali. Issa ħadet sewwa l-moda tal-kartolini elettroniċi li ma jqumux flus, ma tħallasx posta għalihom u jaslu fil-pront. Ir-riċerka qed turina li mindu daħlu l-kartolini elettroniċi, dawk tradizzjonali naqsu drastikament. Nistqarr li anki jiena stess, lil ħbiebi barranin m’għadnix nibagħtilhom kartolini tradizzjonali iżda waħda elettronika.
Meta dari konna nistgħu nikkomunikaw biss ma’ dawk imbegħdin minna permezz ta’ ittra, il-kartolini kienu jagħmlu aktar sens. Niftakar żmien meta kienu jistipulaw data sa meta kont tista’ tibgħat il-kartolini għall-Awstralja... minn xi xahrejn qabel, biex jaslu għall-Milied bil-baħar (għax bl-ajru kienu jiġu bil-wisq ogħla). Iżda llum sirna nikkomunikaw ma’ xulxin immedjatament... anki mat-tarf l-ieħor tad-dinja.
Permezz tal-iSkype, inkellmu u naraw lil xulxin... ħaġa li fi tfuliti kienet titqies bħala fantaxjenza. Il-Facebook ġabilna mod ġdid kif inkellmu lil xulxin, nuru r-ritratti tal-ikla li se nieklu u ntellgħu video-clip tat-tifla qed tmidd l-ewwel passi tagħha. Għalhekk, meta l-komunikazzjoni ta’ bejnietna qed issir b’daqstant effiċjenza, il-kartolina tilfet l-għan ewlieni tagħha. B’dan kollu, għalija l-kartolina tradizzjonali hija wisq aktar romantika. Anzi propju minħabba dak li għadni kemm għidt, il-kartolina saret tfisser xi ftit aktar, għax min jibgħathieli jkun ħa aktar xogħol; mar jixtriha, jixtri l-bolla u mar jimpustaha. Ikun qed jurini li jiena nfisser għalih aktar minn għasfa ta’ buttuna fuq il-keyboard.
Jean Claude Micallef

Ma nibgħatx kartolini tradizzjonali imma nieħu ħsieb li nagħti l-awguri permezz ta’ email jew telefonata. Nammetti li jdejquni ħafna messaġġi fuq il-mowbajl lejn żmien il-festi.
Nemmen li l-Maltin jibagħtu kartolini barra minn xtutna u lil xi ħadd li ilhom ma jkellmu. Nifhem li l-fatt li aħna ngħixu viċin xulxin m’hemmx ħtieġa ta’ kartolini għaliex jagħmel aktar sens li żżur lil xi ħadd milli tibgħat folja minflokok.
L-awguri llum il-ġurnata jiġi rreċiprokat ukoll permezz ta’ Facebook u ma ninsewx l-ammont ta’ festini li jsiru. Dan il-kuntatt kontinwu jnaqqas il-bżonn li tibgħat kartolina. L-ebda forma t’awguri ma taqlibha lil xi tgħanniqa jew għafsa ta’ id.
Inġenerali nara l-kartolini bħala mod kif twassal messaġġ jew awguri lil min għal raġuni jew oħra ma tistax tikkuntattjah verbalment. F’dak il-każ, huwa mezz kif tiffranka l-ħin u żgur mhux ħela ta’ flus. Mill-aspett l-ieħor jekk tagħżel li tibgħat kartolina lil xi ħadd li se tarah huwa ħela ta’ flus, ħela ta’ ħin u ħela ta’ ħsieb. Dwar kif jaħsbuha l-maġġoranza tal-Maltin, mill-kartolini li nirċievi jidher li jaħsbuha bħali.
Corazon Mizzi

Għalkemm m’iniex kbira ħafna, ilħaqt żmien meta fil-Milied kont tirċievi baraxx ta’ kartolini u wieħed kien ikollu saħansitra biċċa xogħol biex jiktibhom ta’ kull sena. Kien hemm anke ċertu protokoll involut, fis-sens li jekk xi ħadd nesa jibgħatlek is-sena ta’ qabel kont taqtgħu mil-lista, jew jekk xi ħadd jibgħatlek kartolina, tkun trid taċċerta ruħek li int tkun qed tibgħatlu lura għax hekk imur. Din l-użanza qed tmut għal kollox, però personalment xorta nħobb nagħti kartolina tal-Milied lil nies qrib tiegħi, b’messaġġ speċjali.
Mhux fil-Milied biss qed tiġri li jonqsu l-kartolini imma anke f’okkażjonijiet oħra bħal ngħidu aħna għeluq sninek, żwieġ, gradwazzjoni. Huwa aktar faċli u dirett li tibgħat messaġġ fuq Facebook (illum anke messaġġ fuq il-mobile sar sforz żejjed) u allura l-biċċa l-kbira jagħmlu hekk. Forsi hawn min jaħseb li dan huwa l-mod ‘modern’ ta’ kif tibgħat l-awguri tiegħek. Jiena nsejjaħlu l-mod ‘għażżien’ u ma jogħġobni xejn għax huwa biered ħafna.
Ovvjament, illum ħafna affarijiet qed narawhom ħela ta’ ħin u flus però qajla nirrealizzaw li dawk huma l-isbaħ affarijiet. Dawk il-kartolini tal-massa li sempliċiment jinkludu l-isem ta’ min qed jirċevihom u min bagħathom forsi vera huma ħela ta’ flus u ħin, għax wara kollox, m’huma personali xejn. Però li nagħtu kartolina, nniżżlu l-ħsibijiet u nwasslu messaġġ sabiħ permezz tagħha, żgur li mhux. -isfortuna hija li dawn qed jintilfu wkoll. Jien għadni nżomm kartolini ta’ snin ilu li jfakkruni f’episodji u persuni speċjali fil-ħajja tiegħi. Nagħmel appell biex lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda ngħaddulhom il-valur ta’ dawn il-memorji fl-istess kaxxa mal-logħob diġitali u ġugarelli oħra li se nixtrulhom dan il-Milied.