Sitt seminaristi se jingħataw il-Ministeru tal-Akkolitat

Sitt seminaristi fil-ministeru tal-akkolitat

Is-sitt seminaristi
Is-sitt seminaristi

L-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, ser jistitwixxi sitt seminaristi fil-ministeru tal-akkolitat, waqt ċelebrazzjoni li ser issir nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru 2014, fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp, il-Kalkara. Il-Quddiesa tibda fis-6:30 p.m.

Is-sitt seminaristi huma Sergio Fenech u Mark Mallia Pawley mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi, Claude Mifsud mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema,  il-Mosta, James Saydon mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, Andrew Schembri mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u Gilbert Scicluna mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp,  il-Kalkara.

L-għoti tal-ministeru tal-akkolitat jimmarka pass ieħor importanti fil-mixja ta’ dawn  iż-żgħażagħ lejn is-saċerdozju. Bħala akkoliti huma se jingħatalhom l-uffiċċju li jgħinu  lis-saċerdot u lid-djakni fil-qadi tal-ministeru tagħhom waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iqarbnu lil ħuthom Insara, fosthom ukoll lill-morda, jitħeġġu fl-imħabba personali tagħhom lejn l-Ewkaristija, u fuq kollox jgħixu b’mod li jkun jixirqilhom iservu fil-mejda tal-Mulej u  tal-Knisja.

Il-komunità tas-Seminarju tħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob b'mod speċjali għal dawn  is-seminaristi u għal żgħażagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.
 

More in Socjali