Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo nieda l-programm maħsub għall-ewwel snin tal-edukazzjoni primarja ‘Aqra kemm Tiflaħ’. Il-programm tnieda b’mod simboliku billi l-Ministru xegħel siġra tal-Milied mibnija minn għadd kbir ta’ kotba attraenti u interessanti ta’ ġeneri differenti. Dawn il-kotba se jitqassmu f’għadd ta’ skejjel primarji. Il-Ministru Bartolo qal li mhux biżżejjed li ngħidu lit-tfal biex jaqraw, iżda għandna nipprovdulhom kotba ta’ kwalità u xierqa għalihom. Irridu wkoll lkoll kemm aħna nservu ta’ mudell tajjeb tal-qari għat-tfal.
Dan il-programm huwa mmexxi mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li tagħmel parti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. F’din l-ewwel fażi se jitqassmu aktar minn 10,000 ktieb f’16-il skola. Kull klassi mill-ewwel sat-tielet sena se tingħata mhux anqas minn 100 ktieb ta’ kwalità għal-librerija tal-klassi. Dan ifisser li 1,700 tifel u tifla f’100 klassi se jkollhom mill-anqas sitt kotba kull wieħed fil-librerija tal-klassi tagħhom. Dawn il-kotba huma kemm fittizji kif ukoll ta’ informazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż.
Kull ktieb għandu tabella żgħira li turi l-livell tiegħu skont il-lingwa u l-kontenut tiegħu. Inħolqu wkoll għarbiela tal-qari sabiex jgħinu lill-għalliema jsibu l-livell tal-qari tat-tifel jew it-tifla tagħhom. Inħadmu wkoll 750 riżorsa għal qabel, waqt u wara l-qari għall-użu tat-tfal, l-għalliema, l-LSAs u l-ġenituri. L-iskop ta’ dawn ir-riżorsi huwa l-qari jintwera bħala esperjenza sabiħa, divertenti u ta’ ġid għall-iżvilupp sħiħ tat-tfal. Se tingħata lil kull skola informazzjoni u materjal kif isir l-aħjar użu mill-kotba tal-librerija tal-klassi.