Air Malta – menu aħjar fil-Clubclass, baguette u ilma fl-Economy

Snacks sħan u xorb se jkunu disponibbli bi ħlas

Baguettes u ilma fl-Economy
Baguettes u ilma fl-Economy

Il-linja nazzjonali Air Malta u SkyGourmet, il-fornitur tal-catering tal-linja tal-ajru, ħabbru li laħqu ftehim li ser jara bidliet fl-inflight catering tal-linja tal-ajru u s-servizzi anċillari mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-ftehim se jara li passiġġieri tal-Klassi Club jibbenefikaw minn menu aħjar matul it-titjira, filwaqt li passiġġieri tal-Economy se jiġu offruti baguette u nofs litru ilma fuq ir-rotot kollha mingħajr ħlas. Ikel ieħor bħal snacks sħan u xorb se jkunu disponibbli bi ħlas.
 
Maria Micallef, Chairperson tal-Air Malta iddeskriviet il-ftehim bħala pass importanti għall-kumpanijja u qalet li dan il-ftehim se jiffranka lill-linja tal-ajru bejn wieħed u ieħor €4miljun kull sena.

Il-Kap Eżekuttiv Philip Micallef qal li apparti mill-iffrankar ta' spejjeż ewlenin il-kumpanijja se tipprovdi kwalità tal-prodott aħjar lill-klijenti fil-Club filwaqt li dawk li jivjaġġaw fil-klassi Economy se jkunu pprovduti b’baguette ta' kwalità u se jkollhom ukoll l-opportunità li jixtru varjetà ta' oġġetti oħra.
 
L-Air Malta qalet li se tkun qed tirrevedi wkoll kuntratti oħra fl-oqsma varji tal-operat tagħha biex jitnaqqsu aktar l-ispejjeż filwaqt li jkun żgurat esperjenza aħjar għall-klijent.

More in Socjali