Ir-riġenerazzjoni u r-restawr naturali li jsir fil-Park tal-Majjistral għandu jkun parti mill-qafas ta’ pjan nazzjonali dwar l-afforestazzjoni u jkun konformi mal-istrateġija nazzjonali tal-bijodiversità`. Minkejja l-bosta sfidi, il-Park se jkompli jingħata importanza mill-gvern u jien ser inkompli nagħti l-appoġġ lill-ħidma li ssir hemmhekk.’ Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza laqgħa informali mal-Bord Maniġerjali tal-Park tal-Majjistral, li jinkludi tliet eNGOs - Din l-Art Ħelwa, Gaia Foundation u Nature Trust, flimkien ma’ rappreżentanti tal-MEPA, il-Government Property Department u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Il-Bord Maniġerjali, li fl-aħħar snin kien immexxi miċ-Chairperson Dr Carmen Sammut, ippreżenta lill-Ministru abbozz ta’ pjan, li jinkludi impressjonijiet artistiċi, dwar kif jistgħu jidhru l-barracks ta’ Għajn Tuffieħa la darba jsir ir-restawr fihom, anke bl-iskop li wħud mill-binjiet iservu biex jippromwovu l-agrituriżmu u oħrajn iservu biex jittellgħu attivitajiet kulturali li jaqdu l-ħtiġijiet tat-Tramuntana ta’ Malta.
Fil-laqgħa tħabbar li Dr Sammut għażlet li ċċedi din il-kariga minħabba responsabbilitajiet professjonali ġodda. Hija raddet ħajr lill-Ministru u faħħret il-ħidma tal-Bord u Heritage Parks Federation li fi żmien relattiv qasir wasslu biex issir regolamentazzjoni tal-Park, infetaħ iċ-Ċentru ta’ Viżitaturi u bis-saħħa tal-MITA hemm ukoll applikazzjoni virtwali li sservi ta’ gwida għal min iżur il-park. Raddet ukoll ħajr lill-ħaddiema tal-park li jagħmlu l-almu tagħhom kollu biex il-missjoni edukattiva u dik li jiġi mħares l-ambjent mhux mittiefes tal-park jitwettqu.
Wara li l-Ministru Brincat wera l-apprezzament tiegħu u tal-Gvern għax-xogħol verament siewi u l-impenn muri minn Dr Sammut matul it-tmexxija tagħha fi żmien transitorju, li ma kienx nieqes minn għadd ta’ sfidi u opportunitajiet ġodda, huwa ħabbar li ċ-Chairperson il-ġdid tal-Park tal-Majjistral se jkun is-Sur Sammy Vella li barra taħriġ u esperjenza professjonali bħala lecturer fix-xjenza tal-Agrikultura, dejjem wera impenn ċiviku billi kien serva ta’ Sindku fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u fl-aħħar snin xpruna l-inizjattiva għar-restawr tal-Wied ta’ Għajn Żejtuna. Is-Sur Vella huwa magħruf ukoll għax ipproduċa u kiteb sensiela ta’ programmi televiżivi dwar ir-rabta bejn l-ambjent u l-agrikultura, fejn kattar l-apprezzament dwar is-siġar indiġini u l-ħwawar. Kemm Dr Carmen Sammut kif ukoll is-Sur Sammy Vella kienu preżenti għall-laqgħa.