Fatti kurjużi dwar il-Milied
Storikament, il-bidu ta’ din il-festa ma kienx xi wieħed reliġjuż
minn Veronica Lynn Mizzi
Issa li fadal biss ftit ġranet għall-Milied, tajjeb li wieħed iħares lejn xi fatti kurjużi dwar din il-festa biex japprezza l-istorja u l-oriġini ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.
Id-Data u l-Oriġini
Storikament, il-bidu ta’ din il-festa ma kienx xi wieħed reliġjuż, anzi kienu bosta ċelebrazzjonijet pagani li kienu jiġu ċċelebrati f’dawn iż-żminijiet fosthom Saturnalia li kienet tiġi ċċelebrata bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru u Deus Sol Invictus jew iċ-Ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin ix-xemx fil-25 ta’ Diċembru. Għal dawn il-festi, l-Knisja Kattolika kienet iddiżapprovat bil-qawwa dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Minħabba f’hekk, intgħażel il-25 ta’ Diċembru biex jiġi ċċelebrat jum it-twelid ta’ Ġesù Bambin anke jekk m’hemm l-ebda evidenza li dan huwa verament il-jum li fih twieled. Anzi, ħafna teologi jikkalkulaw li fil-fatt, Ġesù ma twelidx fil-25 ta’ Diċembru imma xi żmien f’Settembru, bejn is-sena 6 QK u 30WK. Kien imbagħad fis-sena 350 li l-Papa Ġulju I għamel il-25 ta’ Diċembru, il-ġurnata uffiċjali taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied.
Għalkemm il-lum il-ġurnata, il-festa tal-Milied hija ċċelebrata kważi kważi f’kull pajjiż madwar id-dinja, fl-Istati Uniti damu sas-sena 1870 biex din il-festa ġiet iddikjarata bħala vaganza uffiċjali.
Għal kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, il-kelma Xmas biex nirreferu għall-Milied, mhix xi waħda anti-Kattolika u għandha l-għan li tneħħi lil Kristu mill-Milied. Anzi, ix-X f’ Xmas ġejja mill-ittra Griega Chi, li l-ewwel ittra tal-kelma Griega li tfisser ‘Christ’ bl-Ingliż.
Il-Presepju
F’kull presepju, fost il-bosta pasturi ta’ personaġġi relatati mal-istorja tan-natività nsibu t-tlett magi quddiem il-maxtura lesti biex joffru r-rigali tagħhom. Però, għalkemm imdorrijin dejjem nagħmlu tlett pasturi tal-maġi fil-presepju, fil-Bibbja, qatt ma nsibu n-numru eżatt ta’ nies li kien hemm joffru r-rigali. Fil-fatt, fil-Vanġelu ta’ San Mattew, nsibu biss referenza għal ‘xi maġi mil-Lvant’ bla ebda numru ta’ kemm kienu. Fil-presepju wkoll, f’ħafna mill-drabi naraw il-maxtura b’Ġesù Bambin ġo xi forma ta’ stalla tal-injam, fejn kienu joqogħdu l-annimali, imma mid-dehra, dan ma kienx il-każ għaliex skont xi studji, Ġesù twieled f’għar jew xi tip ta’ grotta minflok.
Santa Klaws
Il-figura tant popolari u maħbuba ta’ Santa Klaws, kif forsi hawn min jaf, hija bbażata fuq persuna reali li ħafna jafuh bħala San Nikola. Kien qaddis li twieled fis-seklu erbgħa f’Patara fit-Turkija u huwa l-iktar qaddis popolari minn fost dawk li mhux imsemmijja fil-Bibbja, u ġie mpitter jew inkluż f’xi arti aktar minn kull qaddis, minbarra fil-Madonna. Għal kuntrarju ta’ kif jidher Santa Klaws f’ħafna mill-istampi u tpinġijiet tal-lum il-ġurnata, fl-ewwel stampi, San Nikola kien jidher bħala bniedem serju u ta’ dixxiplina.
Kif inhu magħruf, xogħol Santa Klaws huwa li jqassam ir-rigali lit-tfal kollha fil-lejl tal-Milied, Skont statistika tal-UNICEF, fid-dinja hawn madwar 2,106 miljun tifel u tifla taħt it-18-il sena. Jekk nikkalkulaw li joqogħdu 2.5 tfal f’kull dar, Santa Klaws jeħtieġlu jieqaf 842 miljun darba, u jivvjaġġa 221 miljun mil biex idur it-tfal kollha. Ikollu jivjaġġa bejn dar u oħra f’0.0002 ta’ sekonda u dan kollu f’lejl wieħed.
Missier il-Milied, ikollu l-għajnuna tar-renni tiegħu biex jġorrulu l-islitta matul il-lejl. Dawn ir-renni għandhom ismijiet li jinstemgħu li huma maskili bħal Rudolph, Blitzen u Comet, però mhux possibli li dawn kienu renni maskili għaliex dawn tal-aħħar jbiddlu l-‘antlers’ tagħhom fi żmien il-Milied, allura ir-renni li jkunu qed jiġbdu l-islitta ta’ Santa Klaws, possibilment ikunu renni femminili.
Is-Siġra tal-Milied
L-ewwel persuna li użat siġra biex tiddekora għall-Milied, u għaldaqstant, l-ewwel siġra tal-Milied kien il-Protestant Martin Luther. Skont kif jingħad f’leġġenda, ra siġra taż-żnuber li minn qalb il-friegħi tagħha, seta’ jara d-dawl tal-kwiekeb ileqq. Tant kemm issaħħar b’din il-veduta, li ħa miegħu id-dar siġra u żejjinha b’xi xemgħat biex ikun jista’ jaqsam dak li ra, ma’ wliedu.
Skont ir-rekords dinjija ta’ Guinness, l-itwal siġra tal-Milied li qatt inqatgħet kien fl-1950 u kienet twila 67.3 metru li ġiet imżejna biex titpoġġa f’ċentru kummerċjali f’Seattle fl-Amerika.
L-ewwel tiżjin li kien jintrama’ fuq dawn is-siġar kien tuffieħ fejn fi żmien il-Milied, l-atturi ta’ żmien il-Medju Evu kienu jużawhom biex jirrapreżentaw il-ħolqien u l-waqgħa ta’ Adam u Eva.
Il-Kartolini tal-Milied
L-ewwel kartolina tal-Milied, fl-1843 ġiet ikkummissjonata minn Sir Henry Cole, fejn qabbad lill-illustratur John Callcott Horsley biex jiddisinja kartolina li jkun jista’ jibgħatha biex iwassal ix-xewqat tiegħu.
Għall-kuntrarju tal-kartolini li naraw illum, fejn f’ħafna mid-drabi jkollhom xi tema reliġjuża jew marbuta max-xitwa, l-ewwel kartolini tal-Milied kellhom fuqhom xi fjuri jew fatatini (fairies) biex juru li riesqa r-rebbiegħa.
Il-kartolini għandhom suq kbir u f’dawn iż-żminijiet jintbagħtu ammonti kbar, tant li fl-Istati Uniti biss, jintbagħtu iktar minn 3 biljun kartolina tal-Milied.
Kurżitajiet oħra
Minn stħarriġ li sar fejn ġew analizzati l-posts fuq Facebook, deher kif l-aktar żmien fejn kien hemm l-aktar separazzjonijiet ta’ koppji, kien ġimagħtejn qabel il-Milied waqt li fil-ġurnata tal-Milied, huwa l-inqas popolari biex isir dan.
Il-ponsjetta, li hi magħrufa bħala l-pjanta tal-Milied għall-kulur aħmar tagħha, għandha oriġini Messikani fejn l-Azteki kienu jużawha sabiex inaqqsu d-deni, u dan minħabba l-ahmar tagħha li jissimbolizza l-purità.
Il-bejgħ li jsir fil-Milied, jammonta għal iktar minn 16% tal-bejgħ kollu li jsir matul is-sena kollha.